L-Isqfijiet tal-Kongo jitolbu l-intervent tan-Nazzjonijiet Magħquda

L-Isqfijiet tal-Kongo wasslu l-ilmenti tagħhom kontra l-President tal-pajjiż, Joseph Kabila, quddiem in-Nazzjonijiet Magħquda fejn talbu biex il-President iżomm kelmtu u jimxi mal-ftehim li huma kienu għenu biex intlaħaq fl-2016 biex tintemm il-kriżi politika f’dan il-pajjiż.
Kabila ilu fil-poter għal dawn l-aħħar 15-il sena, wara li missieru kien ġie assassinat fl-2001. Fl-2006 kien ikkonfermat President u fl-2011 reġa’ kien elett President.
Meta wara t-tieni mandat presidenzjali tiegħu Kabila ma rriżenjax f’Diċembru tal-2016, kif titlob il-Kostituzzjoni tal-pajjiż, bdew il-protesti fil-pajjiż li fihom mietu n-nies.
Fis-26 ta’ Diċembru tal-2016 kien intlaħaq ftehim bil-medjazzjoni tal-Knisja li kien jgħid li għandu jkun hemm tqassim tal-poter bejn il-partit ta’ Kabila u l-partiti tal-Oppożizzjoni sakemm issir elezzjoni presidenzjali f’Diċembru tal-2017 li fiha Kabila ma setax ikun kandidat.
Iżda din l-elezzjoni ma saritx u Kabila għadu President tal-pajjiż.
Fl-aħħar ġurnata tas-sena li għaddiet tmien persuni nqatlu u 120 oħra kienu arrestati waqt protesti organizzati mill-Kattoliċi lajċi jitolbu lil Kabila biex jirriżenja. Ħafna oħra nqatlu fi protesti oħra li saru f’Jannar u Frar ta’ din is-sena.
L-Isqfijiet tal-Kongo issa rrikorrew għal għajnuna internazzjonali.
F’nofs ix-xahar li għadda s-Segretarju Ġenerali tal-Konferenza Episkopali tal-Kongo qal lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda li biex ikun hemm tranżizzjoni kwieta tal-poter il-President għandu jimxi mal-ftehim milħuq.
Hu qal li biex il-kriżi umanitarja li laqtet lill-pajjiż tintemm, in-Nazzjonijiet Magħquda trid tinvolvi ruħha aktar u tgħin biex ikunu organizzati elezzjonijiet kredibbli, trasparenti u paċifiċi li jagħtu lill-poplu tal-Kongo gvern leġittimu li jkunu kapaċi jsolvi d-diversi kriżijiet li laqtu lill-pajjiż.
“Is-sitwazzjoni umanitarja u s-sigurtà jinsabu f’kaos sħiħ, b’ħafna vjolenza madwar il-pajjiż kollu imwettqa minn gruppi armati differenti, kunflitti etniċi u fuq kollox għaliex l-Istat hu assenti”, qal ir-rappreżentant tal-isqfijiet. “Jekk jibqa’ ma jsir xejn il-Kongo se jibqa’ bomba tal-ħin li tista’ tisplodi minn mument għall-ieħor”.
Fin-nuqqas ta’ Oppożizzjoni kredibbli u stampa ħielsa, il-Knisja Kattolika hi l-unika vuċi kredibbli li tista’ titkellem f’isem il-poplu tal-Kongo biex jiffaċċja r-reġim ta’ Kabila.
Il-Kattoliċi huma kważi nofs il-popolazzjoni tal-pajjiż li hi ta’ 80 miljun persuna u l-Isqfijiet huma rrispettati ħafna mill-popolazzjoni kollha mhux mill-Kattoliċi biss.
Huma qalu lin-Nazzjonijiet Magħquda li “f’termini konkreti hemm bżonn li l-komunità internazzjonali tkun aktar involut u tgħin b’appoġġ finanzjarju, loġistiku u umanitarju u bl-esperjenza tagħha biex ikun hemm elezzjonijiet kredibbli”.
Il-gruppi Kattoliċi lajċi lesti jwaqqfu l-protesti tagħhom u wieħed jittama li dawk kollha involuti jagħtu lill-poplu tal-Kongo l-aħjar kundizzjonijiet biex isiru elezzjonijiet kif suppost biex tintemm il-kriżi fil-pajjiż.
L-Isqfijiet sostnew li l-forza tan-Nazzjonijiet Magħquda fil-pajjiż trid issaħħaħ il-mandat tagħha u jkollha l-mezzi legali u materjali biex tipproteġi lin-nies ċivili, lil dawk vulnerabbli u l-proprjetà tagħhom mill-attakki ta-vjolenza li qed ikomplu.
Skont il-Koordinatur tan-Nazzjonijiet Magħquda għall-Affarijiet Umanitarji, mill-anqas 4.5 miljun persuna kellhom jitilqu minn djarhom filwaqt li madwar 30 miljun oħra għandhom bżonn għajnuna umanitarja. 
Barra minn dan aktar minn erba’ miljun tifel u tifla mingħajr ikel biżżejjed.
Il-pajjiż mifluġ b’diversi epidemija fosthom l-agħar epidemija tal-kolera fl-aħħar 15-il sena u epidemija oħra ta’ vjolenza sesswali – ħafna minnha mhux irrappurtata – li fost il-vittmi tagħha hemm ħafna tfal.