L-Isqfijiet tal-Cameroon jitolbu għall-paċi fil-festa tal-Assunta

Refuġjati mill-Cameroon u Niġerjani jistennew barra ċentru tas-saħħa (Credit: CNS photo/courtesy Caritas Internationalis.)

Father Gabriel Afumbom tal-Knisja ta’ San Ġwann Battista li tinsab f’Bamenda, fil-Cameroon, fl-Omelija tal-Quddiesa tal-festa tal-Assunta tkellem dwar il-kriżi li għaddej minnha l-pajjiż u ħeġġeġ lill-insara biex jgħidu r-rużarju għax qal li dan hu l-arma li tatna l-Madonna biex niġġieldu l-ħażen.

“Bl-interċessjoni tal-Verġni Marija, l-aħjar mod kif niġġieldu l-ħażen hu permezz tat-talb. Il-Madonna tatna talba qawwija – ir-Rużarju. Għalhekk nemmen li pemezz tar-rużarju, nistgħu nirbħu kull ħażen li hawn madwarna”, qal il-qassis.

Żmien ta’ kriżi

Sadattant fl-istess jum tal-Assunta, l-Arċisqof Jean Mbarga ta’ Yaounde, fil-quddiesa talab l-inerċessjoni tal-Verġni Marija biex tinterċedi għall-Cameroon “f’dan iż-żmien ta’ kriżi”.  Appella biex tieqaf il-vjolenza fiż-żoni tal-pajjiż fejn hi mitkellma l-lingwa Ngliża, biex it-tfal ikun jistgħu jerġgħu jibdew jattendu l-iskola.

Barra l-kunflitt fiż-żoni tal-pajjiż fejn hemm il-problema tal-lingwa, il-Cameroon dan l-aħħar sofra diversi attakki mill-Boko Haram, influs ta’ refuġjati min-Niġerja u r-Republika tal-Afrika Ċentrali u t-tensjoni mal-pajjiż ġar tal-Guinea Ekwatorjali.

Il-kriżi tal-lingwa bdiet f’Ottubru tal-2016 għax dawk li jitkellmu bl-Ingliż ħasbu li l-amministrazzjoni ċentrali li tuża l-lingwa Franċiża kienet se tipprova tassimila s-sistema legali u edukattiva tagħhom fil-lingwa Franċiża.  L-Anglo-Sassoni  jagħmlu mal-20% tal-popolazzjoni tal-pajjiż. Għalhekk l-avukati u l-edukaturi għamlu strajk u ordnaw bojokott fl-iskejjel.

2,000 persuna maqtula

Il-Forzi tas-Sigurtà tal-Gvern irreaġixxew bil-vjolenza kontra d-dimostranti paċifiċi. Il-Gvern kien akkużat b’intenzjonijiet ħżiena u bdiet ribelljoni armata.  Estremisti tal-Anglo Sassoni talbu għall-Indipendenza.  Minn dakinhar ‘l hawn inqatlu aktar minn 2,000 persuna filwaqt li aktar minn 400,000 oħra kellhom jitilqu minn djarhom.

Minħabba l-bojkott fl-iskejjel fiż-żoni tal-Ingliżi, aktar minn 80% tat-tfal fl-inħawi spiċċaw mingħajr skola u dawk l-iskejjel li ppruva jiftħu minkejja l-bojkott ngħataw in-nar u l-istudenti u l-għalliema li nstabu fihom, sfaw maħtufa.

L-Isqfijiet tal-Cameroon kemm ilha li bdiet din il-kriżi, dejjem tkellmu ċar u kkundannaw l-inġustizzji maħluqa mill-Gvern ċentrali u kkundannaw ukoll l-abbużi miż-żewġ naħat fil-kunflitt.

Waqt il-quddiesa ta’ Santa Marija, l-Arċisqof Cornelius Fontem Esua ta’ Baramenda, li hi l-kapitali tar-reġjuni li jitkellmu bl-Ingliż appella biex “inħallu t-tfal imorru l-iskola”.

L-edukazzjoni dritt fundamentali

Hu qal li l-edukazzjoni hi dritt fundamentali tat-tfal u xejn ma jiġġustifika l-fatt li dawn qed ikunu mċaħħda mill-edukazzjoni.

Fil-festa tal-Assunta saret ukoll ċerimonja tal-Ewwel Tqarbina għal numru ta’ tfal fosthom Albert Ndong li ilu ma jmur skola għal dawn l-aħħar sentejn. It-tifel wera t-tama li l-affarijiet jirritornaw għan-normal malajr biex ikun jista’ jkompli l-iskola.

“Ferħan ħafna li llum irċivejt l-Ewwel Tqarbina”, qal dan it-tifel lill-aġenzija CRUX. “Nitlob lill-Madonna biex tidħol għalija biex niba’ tifel tajjeb. Imma veru nixtieq li omm is-Salvatur tagħna tgħinha biex insolvu din il-kriżi.  Jien nixtieq immur lura l-iskola u nittama li l-Madonna tgħin biex tieqaf din il-gwerra biex inkun nista’ mmur l-iskola”, insista Albert.

L-Arċisqof Esua qal li “L-Assunta tgħallimna li ħajjitna ma tispiċċax hawn. Ħajjitna tkompli fil-Ġenna.  Il-festa tfakkarna li ġisimna, bħal ruħna hu destinat biex ikun glorifikat u għalhekk għandna nirrispettaw il-ħajja, nirrispettaw il-ġisem tagħna u tal-oħrajn, nevitaw id-dnub u jekk nimxu fuq l-eżempju tal-Madonna, naslu ħdejha”.