L-Isqfijiet tal-Bolivia mħassba dwar in-nirien fl-Amażonja

Il-Konferenza Episkopali tal-Bolivia dwar in-nirien fl-Amazonia

Il-Knisja fil-Bolivia ħarġet stqarrija ntitolata “Id-Dar Komuni tagħna qed taqbad” li fiha tesprimi t-tħassib kbir tagħha dwar il-katostrofi li qed iġibu magħhom in-nirien li qed jaħkmu l-foresta tal-Amażonja.

L-istqarrija tal-Isqfijiet tikkundanna b’mod apert il-Gvern u l-politika tiegħu ta’ kapitaliżmu li qed toħnoq in-natura u appellaw għas-solidarjetà u biex jittieħdu azzjonijiet legali effettivi biex tkun affaċċjata din il-katastrofi.

L-istqarrija kienet iffirmata mis-Segretarju Ġenerali tal-Konferenza Episkopali tal-Bolivja u minn Mons. Ricaardo Centrellas, President tal-Konferenza Episkopali flimkien mal-membri Isqfijiet l-oħra.

Diżastru ekoloġiku

Il-messaġġ tal-Isqfijiet jgħid li “miljun ettaru mill-foresta tal-Amażonja qed jaqbad. Il-konsegwenzi ekoloġiċi ta’ dan id-diżastru huma ħafna u kbar. Meta wieħed iqis li dan id-diżastru hu xogħol il-bniedem, irridu neżerċitaw il-missjoni profetika tagħna biex infittxu u nikkundannaw il-kawża ta’ din il-ħsara kbira.”

Digriet irresponsabbli

L-Isqfijiet iqisu d-digriet li l-Gvern ħareġ f’Lulju li għadda li jawtorizza li jsir ħruq kontrollat tal-art, bħala wieħed irresponsabbli u bla ħsieb għaliex ma hemm ebda kontroll u mekkaniżmu kif isir il-kontroll.  Anke f’pajjiżhom jeżisti kapitaliżmu teknokratiku u aggressiv fuq il-pjaneta billi qed nippromwovu proġetti li jiddependu mill-faħam u ż-żjut.

L-Isqfijiet żiedu jgħidu li “Bħala Knisja jingħaqdu b’solidarjetà man-nies tal-Amażonjali qed ibatu minn din it-traġedja, b’mod partikolari il-popli indiġeni li huma l-għassiesa tad-Dar Komuni tagħna u lesti noffrulhom ukoll għajnuna materjali.

Napprezzaw l-isforzi ta’ dawn in-nies u l-istituzzjonijiet li huma impenjati b’responsabbiltà u saġrifiċċju iwaqqfu n-niries fl-Amażonja.  Nappella lill-Gvern biex jiddikjara din l-art bħala waħda ta’ importanza ekoloġika biex fiha jergħu jitħawwlu kemm jista’ jkun siġar.