L-Isqfijiet tal-Arġentina jappellaw għal tmexxija demokratika

L-Isqfijiet tal-Arġentina waqt l-Assemblea Ġenerali tagħhom

“Nitolbu ‘l Alla jgħinna biex il-mixja demokratika tissarraf f’ħajja dinjituża, żvilupp integrali u xogħol għal kulħadd, aċċess għas-servizzi tas-saħħa u edukazzjoni ta’ kwalità”

Dan hu li talbu l-Isqfijiet tal-Arġentina f’messaġġ intitolat “It-tisħiħ ta’ pajjiżna” li ppublikaw wara l-Assemblea Plenarja li kellhom fil-belt ta’ Pilar, ftit tal-jiem ilu.

L-Aġenzija tal-aħbarijiet FIDES irrappurtat li l-Episkopat Arġentin fil-laqgħa tiegħu ddiskuta diversi temi marbuta mar-realtà soċjali u pastorali tal-pajjiż, fosthom il-prevenzjoni tal-abbużi fil-Knisja, il-Kungress Marjan tas-sena d-dieħla, l-elaborazzjoni tal-katekiżmu Arġentin, is-Sinodu tal-Amażonja u r-rifromi ekonomiċi fil-pajjiż.

Wara l-elezzjonijiet ġenerali li saru fil-pajjiż fis-27 tax-xahar li għadda fejn ħareġ rebbieħ il-kandidata Peronista, Alberto Fernandez li kiseb 48.10% tal-voti, fil-messaġġ tagħhom l-Isqfijiet insistew li “fil-bidu ta’ perjodu ġdid għad-demokrazija tagħna, sistema li aħna għażilna u ma rridux nerġgħu lura minnha,  irridu nimxu mal-poplu Arġentin biex insaħħu d-demokrazija kull ġurnata.

Djalogu sinċier

“Pajjiżna jitlob minn kulħadd, sforz ġdid lejn djalogu sinċier biex infittxxu kunsens biex ikollna aktar qbil. Il-kobor tat-tmexxija tagħna jrid jidher fl-isforzi biex tinkorpora l-isforzi u r-riċerka tal-foqra”.

L-Isqfijiet, fil-messaġġ tagħhom jitkellmu wkoll dwar il-korruzzjoni u jsostnu li l-veru tisħiħ tad-demokrazija ma jkunx possibbli “jekk ma nagħmlux għażla etika fid-diversi livelli tal-ħajja soċjali, b’separazzjoni vera tal-poteri tal-Istat u bil-parteċipazzjoni ġeneruża ta’ kuljum ta’ kull persuna fl-Asrġentina..

Fl-aħħarnett huma jħeġġu biex bħala ċittadini responsabbli “niffurmaw poplu li ‘l hinn mid-differenzi, inkunu kosistenti fil-ħidma tagħna għal proġett komuni li jitlob minnha li nġeddu l-impenn biex inwarrbu kull forma ta’ vjolenza u nibnu soċjetà bażata fuq il-ħbiberija”.