L-Isqfijiet Svizzeri mħassba dwar is-suwiċidju assistit

Is-suwiċidju, anke assistit, qatt m'hu ġustifikat

Quddiem l-iżviluppi sinjifikanti fejn jidħol is-suwiċidju assistit fl-Isvizzera f’dawn l-aħħar snin, il-Konferenza Episkopali tal-Isvizzera ħarġet gwida pastorali għall-kappillani u ħaddiema pastorali li jamministraw is-sagramenti.

Id-dokument ta’ 30 paġna kien pubblikat fi tmiem laqgħa ta’ tliet ijiem li saret aktar kmieni dan ix-xahar f’Lugano, l-Isvizzera.

L-Isqfijiet bdew din il-gwida billi fakkru lill-Kattoliċi li “il-kura tal-komunità nisranija għall-oħrajn, speċjalment il-foqra u dawk li qed ibatu, għandha l-għeruq tagħha fil-misteru ta’ Kristu”.

Qatt ġustifikat

Huma innutaw li għall-Knisja Kattolika, is-suwiċidju, oġġettivament hu xi ħaġa ħażina u żbaljata.

Dan l-att imur kontra tliet dmirijiet tan-nisrani: id-dmir lejh innifsu, id-dmir lejn l-oħrajn u d-dmir lejn Alla.

“Ebda intenzjoni sinċiera jew ċirkostanza partikolari mhi se tibdel dan il-ħażin f’xi ħaġa tajba u anqas jista’ jkun ġustifikat”, sostnew l-Isqfijiet.

“Allura kif nistgħu nakkumpanjaw nies li qed ifittxu suwiċidju assistit jew dawk li jiddeċidu li jassistu f’suwiċidju u fl-isess waqt jitolbu s-sagramenti?”, jistaqsi d-dokument.

Li għin persuna fl-aħħar siegħat tal-ħajja tiegħu jew tagħha, fil-Knisja hi tradizzjoni Kristjana kbira u antika, insistew l-Isqfijiet.

Sfida etika

L-aġent pastorali jsib ruħu konfrontat bi sfida etika kbira. Irid “jieħu bis-serjetà” ix-xewqa li wieħed jagħmel suwiċidju u fl-istess jibqa’ jittama li din ix-xewqa tinbidel. Ma jista’ jagħmel ebda tip ta’ pressjoni fuq il-pesuna imma jipprova jipperswadih sakemm jibdel fehmtu

Irridu nimxu b’kawtela kbira, il-gravità ta’ dan id-dnub, sostnew l-Isqfijiet.

Id-dokument pastorali jipproponi għaxar passi konkreti biex ikunu megħjuna dawk il-vittmi li jkollhom ix-xewqa għal suwiċidju assistit.  F’kull każ, l-idea tibqa’ l-istess: “Li ngħinu lil min wasal fl-aħħar ta’ ħajtu biex jaraw ħajjithom u l-mewt f’dawl ġdid, fid-dawl ta’ Alla”, itemmu jgħidu l-isqfijiet Svizzeri.