L-Isqfijiet Pollakki mħassba minn żjieda fit-tensjoni soċjali fil-pajjiż

Il-President tal-Konferenza Episkopali Pollakka appella biex tonqos il-mibegħda u l-preġudizzji fil-ħajja nazzjonali għax dawn jistgħu jagħmlu ħsara kbira lill-pajjiż fil-qasam internazzjonali.
“Qed naraw żjieda allarmanti ta’ tesnjoni soċjali fost il-poplu Pollakk u nuqqas ta’ rispett lejn persuni li għandhom opinjonijiet differenti u magħhom kliem iebes, theddid u mġieba aggressiva” qal l-Arċisqof Stanislaw Gadecki ta’ Poznan. “Konxji mill-provokazzjonijiet maħsuba biex iċajpru l-istampa vera tas-soċjeta’ tagħna u jkebbsu d-disżgwid, irridu nikkundannaw b’mod ċar kull att ta’ vjolenza dirett lejn l-avversarji politiċi, rappreżentanti ta’ reliġjonijiet oħra u saħansitra ta’ pajjiżi barranin,” kompla l-Arċisqof.
Hu għamel dan l-appell meta rappreżentanti tal-Gvern u l-Knisja qed ifakkru l-impożizzjoni tal-Liġi Marzjali fl-1981 li kienet kissret temporanjament il-Moviment Solidarnosc. Sostna li d-diskussjoni, id-dibattiti u l-bdil tal-opinjonijiet, huma naturali fi stat demokratiku u jikkontribwixxu għall-potenzjali intelletwali u l-ġid tal-pajjiż.
Madankollu l-Arċisqof Gadecki wissa’ li “r-rispett għal-liġijiet u t-tradizzjonijiet tal-pajjiż kienu meħtieġa biex ikun hemm ħbiberija u armonija stabbli” u kkritika l-attakki feroċi fuq il-Gvern ċentru-lemini li minn ftit ġranet ‘l hawn hu mmexxi mill-Prim Ministru Mateus Morawiecki.
“Hemm bżonn nikkundannaw il-manifestazzjonijiet li ma jirrispettawx l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż. Il-fehmiet differenti ma għandhomx joskuraw il-mandat demokratiku tagħhom u ma jistgħu qatt jiġġustifikaw mezzi mhux parlamentari tad-diskussjoni. Fejn l-aħwa qamu kontra xulxin, sofrew l-għaqda u l-indipendenza”, sostna l-Arċisqof.
Aktar kmieni din il-ġimgħa l-Arċisqof Marek Jedraszewski ta’ Krakovja kkritika lill-politiċi tax-xellug wara li konferenza Favur il-Ħajja kellha titħassar minħabba protesti. “Ix-xellugin ma jirrispettawx il-ħajja, l-ideoloġiji tagħhom kultant huma marbuta mal-vjolenza fiżika jew vjolenza fuq il-media.  Qed naraw dak li l-Papa Benedittu XVI kkritika diversi drabi – id-Dittatura tal-Minoranza.