L-Isqfijiet mitluba risposti komprensivi dwar l-abbużi sesswali mill-kleru

L-Isqfijiet miġbura fl-aħħar Sinodu fil-Vatikan

Jekk il-Konferenzi Episkopali ma jagħtux risposta komprensiva għall-kriżi tal-abbużi sesswali, il-missjoni tal-Knisja fid-dinja tkun fil-periklu. Din it-twissija serja għamilha il-Kumitat li qed iħejji għal-Laqgħa tal-Vatikan dwar il-Protezzjoni tal-Minuri fil-Knisja, li se ssir fi Frar f’Ruma.

Bi tħejjija għal-laqgħa li se ssir bejn il-21 u l-24 ta’ Frar, għall-Presidenti tal-Konferenzi Episkopali tad-dinja kollha, il-Kumitat Organizattiv bagħat ittra lill-parteċipanti fejn talab Informazzjoni u Trasparenza u sostna li kulħadd fil-Knisja jrid ikun responsabbli u kontabbli.

L-ittra hi ffirmata mill-Kardinal Blase J. Cupich, Arċisqof ta’ Chicago; il-Kardinal Oswald Gracias, Arċisqof ta’ Bombay; Mons. Charles Scicluna, Arċisqof ta’ Malta u Assistent Segretarju tal-Kongregazzjoni għad-Dutrina tal-Fidi u Fr Hans Zollner, President taċ-Ċentru għall-Protezzjoni tal-Minuri fl-Università Pontifiċja Gregorjana li nħatar bħala segretarju tal-Kumitat Organizattiv.

L-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan ippubblika din l-ittra li tgħid hekk:

Ħutna fi Kristu,

“Jekk membru wieħed isofri, insofru lkoll miegħu”. B’dan il-kliem il-Papa Franġisku kien fetaħ l-Ittra lill-Poplu t’Alla” li kien kiteb f’Awwissu li għadda quddiem il-kriżi tal-abbużi li qed tiffaċċja l-Knisja.  Dawk abbużati minn membri tal-kleru, saritilhom ħsara wkoll “meta aħna ma tajniex każ dawn iż-żgħar; abbandunajnihom.” Allura “jekk fl-imgħoddi nqasna, illum irridu nuru solidarjetà fl-aktar sens profond u ta’ sfida, biex flimkien infasslu l-istorja tal-preżent u l-futur.”

“B’nuqqas ta’ risposta komprensiva flimkien, mhux biss ma jirnexxilniex nagħtu fejqan lill-vittmi tal-abbużi imma nkunu qed inpoġġu f’periklu l-kredibiltà tal-Knisja li taqdi l-missjoni ta’ Kristu fid-dinja.

L-ewwel pass għandu jkun li nagħrfu l-verità ta’ dak kollu li seħħ. Għal dan l-iskop inħeġġu lil kull President ta’ Konferenza Episkopali biex iżur il-vittmi tal-abbużi sesswali mill-kleru fil-pajjiżi rispettivi tagħkom qabel il-laqgħa ta’ Ruma biex issiru tafu mill-qrib it-tbatija li għaddew minnha.

Barra minn dan intom mitluba twieġbu għal kwestjonarju li qed nehmżu ma’ din l-ittra. Dan jipprovdi għodda għall-parteċipanti tal-laqgħa ta’ Frar biex nesprimu l-fehmiet tagħna b’mod kostruttiv u kritiku biex nidentifikaw fejn hemm bżonn l-għajnuna ħalli nagħmlu r-riformi issa u fil-futur biex ikollna stampa ċara tas-sitwazzjoni fil-Knisja.

B’dan f’moħħu, il-Qdusija Tiegħu talabna nirringrazzjawkom għall-għajnuna tagħkom fit-tkomplija ta’ dan il-kwestjonarju biex nippreparaw aħjar għal-laqgħa ta’ Frar u nistednukom b’urġenza biex nimxu din it-triq flimkien. Il-Papa hu konvint li b’kooperazzjoni kolleġġjali nistgħu nirbħu l-isfidi li qed tiffaċċja l-Knisja.

Iżda kull wieħed minnha jrid jagħmel tiegħu f’din l-isfida u flimkien, b’solidarjetà, b’umiltà u bil-paċenzja nsewwu l-ħsara li saret, b’impenn komuni lejn it-trasparenza u billi nżommu kontabbli lil kulħadd fil-Knisja.

Inkunu grati jekk jogħġobkom tibgħatu r-risposti tagħkom għall-kwestjonarju kemm jista’ jkun malajr, iżda mhux aktar tard mill-15 ta’ Jannar.

Alla jbierek f’dan l-istaġun tal-Avvent.”

L-erba’ membri tal-Kumitat Organizattiv iffirmaw din l-ittra.