L-Isqfijiet Messikani jirreaġixxu għall-Ftehim bejn l-Istati Uniti u pajjiżhom

Emigranti minn pajjiżi tal-Amerika Ċentrali jistennew fuq il-fruntiera bejn il-Messiku u l-Guatemala biex jingħataw ażil (pix: AFP)

L-Isqfijiet Kattoliċi tal-Messiku ħarġu stqarrija li fiha esprimew tħassib għal ftehim li ntlaħaq mal-Istati Uniti biex tieqaf il-mewġa ta’ emigranti li qed jitilqu lejn il-fruntiera mal-Amerika.

Nhar il-Ġimgħa li għadda, l-Messiku u l-Istati Uniti laħqu ftehim li jwaqqa’ d-dazji fuq l-esportazjoni kollha mill-Messiku lejn l-Istati Uniti li bih il-Messiku ntrabata li jieħu passi qawwija biex iwaqqaf emigranti milli jivjaġġaw lejn il-fruntiera Amerikana.

Fi stqarrija,il-Konferenza Episkopali Messikana qalet li hi mħassba “għax ħutna emigranti mhux se jingħtaw merħba umanitarja kif inhu xieraq b’rispett għad-dritt li l-persuni umani għandhom l-istess drittijiet”.

Il-Messiku m’għandux ikun il-Ħajt

L-Isqfijiet qalu li d-deċiżjoni tal-Gvern li jingħat 6,000 membru tal-Gwardja Nazzjonali fuq il-fruntiera tal-Messiku mal-Guatemala kienet waħda kontradittorja. “Jekk aħna bħala Messikani ma aċċettajniex il-bini tal-Ħajt li ried jibni l-President Trump issa ma nistgħux insiru Ħajt aħna”.

Min-naħa l-oħra laqgħu il-Ftehim li jneħħi t-taxxi fuq prodotti Messikani u wrew it-tama li jkompli d-djalogu li jesprimi l-valuri fundamentali ta’ żewġ pajjiżi demokratiċi: li huma r-rispett għad-drittijiet umani, solidarjetà bejn il-popli u ħidma biex jinġieb ‘l quddiem il-ġid komuni tar-reġjun”.

 Suċċess parzjali

L-Isqfijiet sostnew li l-problema vera mhux li twaqqaf il-mixja tal-emigranti imma “li tippromwovi l-iżvilupp integrali uman fl-Amerika Ċentrali u fin-nofsinhar tal-Messiku”. Huma qalu li “l-Messiku mhux iżolat imma pajjiż li jrid jibni fuq pajjiżi oħra tal-Amerika Ċentrali permezz ta’ strateġija bażata fuq il-ġid komuni tar-reġjun”.

“Ħutna l-emigranti qatt ma għandhom jintużaw bħala munita. M’għandu jkun hemm ebda negozjati fuq dak li l-Knisja u s-soċjetà ċivili ilhom jiddefendu għal ħafna snin, jiġifieri li ma nittimbrawx lill-emigranti bħala kriminali u d-drittijiet umani ta’ dawk li jiġġieldu għad-dinjità tagħhom bla riskju għas-sigurtà tagħhom”, qalu l-Isqfijiet.

Appell lill-Gvernijiet

Il-Konferenza Episkopali Messikana temmet l-istqarrija tagħha b’appell lill-Gvernijiet tal-Messiku u l-Istati Uniti fejn formalment talbu li ż-żewġ pajjiżi biex “b’mod permanenti jimpenjaw ruħhom li jpoġġu d-djalogu u n-negozjanti trasparenti fuq quddiem tar-relazzjonijiet bilaterali tagħhom.  Appellawlhom biex ma jaqgħux għat-tentazzjoni tar-rikatti u t-theddid għax il-ġid ta’ kull pajjiż jinbena fuq il-ġid tar-reġjun. “M’hemmx futur ħlief dak li nimxu flimkien bħal aħwa”.