L-Isqfijiet Messikani jippublikaw “pjan għall-paċi”

Il-Kattidral Metropolitan ta’ Zocalo f’Mexico City

Il-Konferenza Episkopali Messikana ppublikat il-Pjan tal-Knisja Kattolika għall-Paċi, fi sforz biex ikun hemm ħidma akbar kontra l-korruzzjoni u l-vjolenza fil-pajjiż.

Il-mira tal-pjan , spjegaw l-isqfijiet, hi li jsiru magħrufa u tingħata għajnuna biex ikunu koordinati l-isforzi kollha favur il-paċi li qed isiru mill-Knisja u s-soċjetà ċivili.

Il-pjan iħeġġeġ biex titkompla l-ħidma għall-kura tal-vittmi, jkunu ri-attivati mill-ġdid il-‘workshops’ għall-maħfra u r-rikonċiljazzjoni, u jkunu żviluppati strateġiji biex ikunu megħjuna l-vittmi tat-traffikar uman fil-pajjiż.

Jinkludi wkoll ħidma ta’ akkumpanjament pastorali u superviżjoni tax-xogħol li jsir fiċ-ċentri u djar li jilqgħu l-emigranti li huma mifruxa mal-Messiku kollu, ħidma mal-priġunieri, kura tal-orfni, preservazzjoni ta’ spazji miftuħa u ħidma mal-media biex jintbagħtu messaġġi ta’ paċi fil-pajjiż.

L-isqfijiet Messikani enfasizzaw ukoll l-importanza tal-“kollaborazzjoni mal-amministrazzjoni l-ġdida tal-pajjiż li kienet eletta din is-sena stess.” Aktar kmieni dan ix-xahar l-Isqfijiet iltaqgħu mal-President Andres Manuel Lopez Obrador u kellhom djalogu “fratern u proattiv”.

Matul din il-laqgħa il-President ippreżenta l-programm tal-amministrazzjoni tiegħu għall-pajjiż. Tkellmu wkoll dwar it-tħassib tal-Knisja u tal-Gvern dwar il-faqar, l-emigrazzjoni, il-vjolenza, il-korruzzjoni, l-impunità u l-libertà reliġjuża għar-reliġjonijiet kollha.

Il-Ministru l-ġdid tal-Affarijiet Barrnain, wara laqgħa man-Nunzju Apostoliku qal li punt komuni bejn il-Gvern u l-Knisja hi “t-tfittxija għall-paċi fil-Messiku u li tonqos l-inugwaljanza fil-pajjiż.”

Il-Pjan tal-Knisja Kattolika għall-Paċi ġie wara r-riżultati tal-elezzjonijiet presidenzjali tal-1 ta’ Lulju fejn Lopez rebaħ 53% tal-voti u l-Partit tiegħu, il-Moviment Nazzjonali għar-Riġenerazzjoni rebaħ maġġoranzi kemm fis-Senat kif ukoll fil-Kamra td-Deputati.

Lopez għamel kampanja elettorali bażata fuq il-ġlieda għall-korruzzjoni u l-vjolenza imma l-partit tiegħu wera li hu favur l-abort, iż-żwieġ bejn koppji tal-istess sess u l-ewtanasja.