L-Isqfijiet Messikani jappellaw għall-paċi

Violence in Mexico is the order of the day

F’messaġġ pubblikat fit-8 ta’ dan ix-xahar, l-Isqfijiet tal-Messiku għamlu appell qawwi biex “tieqaf il-vjolenza kaġunata mill-intolleranza tal-ideat u l-ġlieda tal-interessi personali”. L-Isqfijiet intitolaw l-appella tagħhom “Le għall-gwerra u l-vjolenza”.

L-aġenzija tal-aħbarijiet FIDES irrappurtat li fil-messaġ tagħhom l-Isqfijiet qalu li “Ma nistgħux nibqgħu naċċettaw u anqas u anqas nippromwovu diskorsi politiċi li jippolarizzaw l-umanità u jinċitaw għall-vjolenza”.

 “Il-gwerra hi dejjem telfa għall-umanità. Il-paċi għandha tkun il-mira li nistgħu nilħqu lkoll kemm aħna Paċi li tkun bażata fuq il-liġi internazzjonali, solidarjetà bejn il-popli, rispetto reċiproku u rispetto lejn id-dar komuni tagħna”, isostni l-messaġġ.

Sitwazzjoni delikata

Fil-bidu ta’ sena ġdida, l-Isqfijiet. Kattoliċi tal-Messiku indirizzaw lill-insara u lil dawk kollha ta’ rieda tajba b’dan il-kliem: “Ilkoll aħna xhieda tas-sitwazzjoni delikata, tal-inċertezza u tal-vjolenza li qed ngħixu fuq livell nazzjonali u internazzjonali, partikolarment f’dawn l-ewwel jiem tas-sena 2020. Il-familja umana qed tkompli tara gwerrer u kunflitti bejn in-nazzjonijiet.”

L-isqfijiet ikkowtaw mill-messaġġ tal-Papa Franġisku għal Ju mil-Paċi u qalu li “bħala Ragħjja ma nistgħux inħallu li quddiem id-dlam tal-gwerrer u l-kunflitti, tonqos it-tama iżda rridu rridu nitkellmu biex l-umanità u n-nazzjonijiet jeżerċitaw id-dritt ta’ djalogu onest u jużaw id-diplomazija bħala metodi biex titħares l-integrità u d-dinjità tal-popli.”

Fl-aħħar tal-messaġġ tagħhom l-Isqfijiet Messikani, f’isem il-Knisja Kattolika fil-pajjiż sostnew li “aħna mhux se nimxu fit-triq tal-vjolenza u l-gwerra, li l-istorja għad tiġġudika u tikkundanna li xi ħadd refa’ idu fuq ħaddieħor”.

Minflok nitolbu l-Barka ta’ Alla tal-Paċi u l-interċessjoni tal-Madonna ommna biex jgħinuna “fit-triq iebsa tar-rikonċiljazzjoni”.