L-Isqfijiet Maltin jingħaqdu mal-President fit-tħassib għas-sitwazzjoni politika

L-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna u l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech ingħaqdu mal-President ta’ Malta, Marie Louise Coliero Preca, fit-tħassib tagħha għas-sitwazzjoni ta’ bħalissa f’Malta.
Ilbieraħ il-President, f’kumment lil tat lill-ġurnal lokali, mingħajr ma għamlet referenza għall-ebda sitwazzjoni partikolari, ħeġġet lill-mexxejja tal-partiti l-kbar biex ma jonqsux mir-responsabbilità politika tagħhom għal dak li jista’ jinkiseb politikament.
Fl-istqarrija, l-Isqfijiet Maltin ingħaqdu wkoll mal-President fl-appell għall-għaqda.
“Nagħmlu sejħa lil dawk kollha ta' rieda tajba biex jiżnu l-kliem tagħha u nistiednu lill-Insara biex jitolbu lil Alla, għani fil-ħniena, jieqaf magħna fiċ-ċirkustanzi attwali,” saħqu l-Isqfijiet.
Monsinjur Scicluna u Monsinjur Grech ħeġġu wkoll lill-Maltin u l-Għawdxin biex jitolbu biex f’pajjiżna jsaltnu l-għaqda, l-għożża, il-libertà, il-verità u l-ġustizzja.
Fil-kumment tagħha, il-President dehret inkwetata bis-sitwazzjoni politika preżenti u saħqet li t-tensjoni mhux qed tagħmel ġid lill-pajjiż imma qed taqdi l-interess tal-politiċi.
“L-għaqda mhux xi ħaġa li ġġibha minn fuq l-ixkaffa,” saħqet il-President. “L-għaqda tintrebaħ bl-impenn ta’ kulħadd, bir-rispett, bid-dinjità u t-toleranza.”
Tista' taqra l-istqarrija sħiħa tal-Isqfijiet mid-dokument hawn taħt: