L-Isqfijiet Maltin jattendu konferenza dwar l-immigrazzjoni u l-paċi fil-Mediterran

Read in English.

L-Arċisqof Charles J. Scicluna u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi jinsabu f’Bari, l-Italja, għall-konferenza bit-tema ‘Il-Mediterran fruntiera ta’ paċi’.

Għal din il-laqgħa hekk imsejħa ta’ riflessjoni u spiritwalità ser jattendu madwar 60 isqof minn 20 pajjiż tal-Mediterran fl-Ewropa, l-Afrika ta’ Fuq u Lvant Nofsani. L-immigrazzjoni hija waħda mit-temi prinċipali ta’ din il-konferenza li ser tiddiskuti wkoll l-evanġelizzazzjoni taż-żgħażagħ, l-isfida tal-qagħad u l-paċi fir-reġjun.

Il-laqgħa f’Bari, li qed tiġi organizzata mill-Konferenza Episkopali Taljana (CEI), tibda llum u tintemm il-Ħadd 23 ta’ Frar. Dakinhar, il-Papa Franġisku ser jiltaqa’ mal-isqfijiet fil-Bażilika ta’ San Nikola u jindirizza l-konferenza. Wara ser jiċċelebra Quddiesa fil-miftuħ f’Pjazza Libertà.

F’kummenti mal-wasla tiegħu f’Bari l-Arċisqof Charles J. Scicluna, President tal-Konferenza Episkopali Maltija, irrefera għall-ħidmiet ta’ salvataġġ f’dawn l-aħħar jiem mill-Forzi Armati Maltin u qal li Malta, bħala pajjiż fil-periferija tal-Ewropa, teħtieġ is-solidarjetà tal-pajjiżi l-oħra. L-Arċisqof qal li l-Knisja f’Malta mhux biss tipprietka dwar l-akkoljenza lill-barrani imma tipprovdi kenn f’diversi djar u ċentri lil madwar 500 immigrant, u toffri wkoll diversi servizzi ta’ għajnuna. Mons. Scicluna spjega li l-Knisja f’kull pajjiż għandha rwol importanti li tgħin biex il-komunitajiet lokali jegħlbu l-biża’ billi jilqgħu u jintegraw lil min qed jaħrab mill-kefrija tal-gwerra u mill-pajjiżi sotto-żviluppati fi tfittxija għall-ħajja aħjar u ta’ dinjità.

Għal din il-laqgħa f’Bari ser jattendu wkoll l-Isqof Għawdxi u Vigarju Appostoliku ta’ Tripli, il-Libja, Mons. George Bugeja, u l-Arċisqof Malti ta’ Tirana-Durrës, l-Albanija, Mons. George Frendo.