L-Isqfijiet Maltin jappellaw għal talb u donazzjonijiet għall-Eġittu u s-Sirja

L-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex qed jagħmlu appell lill-poplu Malti sabiex joffru talb ħerqan quddiem il-ġrajjiet imdemmija li għaddejjin minnhom is-Sirja u l-Eġittu.  Huma appellaw għat-talb sabiex iseħħ il-waqfien mill-ġlied li qalu qiegħed ikun kawża ta’ ħafna tbatija nġusta u mwiet.

Huma qalu li minbarra talb għall-Insara li jgħixu f’dawn il-pajjiżi sabiex ikun rispettat id-dritt tagħhom għall-libertà reliġjuża, qed jappellaw ukoll għas-sliem fost il-poplu Musulman ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi.

L-Isqfijiet Maltin jikkwotaw dak li kiteb il-Papa Franġisku lill-Musulmani tad-dinja, favur rispett reċiproku u ħbiberija bejn l-Insara u l-Musulmani.

Huma esprimew ukoll is-solidarjetà tagħhom ma’ l-Eġizzjani u s-Sirjani li hawn f’Malta u qalu li qed jaqsmu magħhom it-tħassib u n-niket li huma qed iġarrbu meta jassistu għal dak li qed jiġri f’pajjiżhom.

Kien hawnhekk li l-Isqfijiet Maltin ħabbru li fil-jiem li ġejjin se tkun organizzata iniżjattiva għall-ġbir ta’ donazzjonijiet favur dawn il-popli. L-għotjiet li jaslu se jinqasmu f’żewġ partijiet indaqs u se jitwasslu lill-knejjes fl-Eġittu u fis-Sirja biex jgħinu lil foqra li qed toħloq il-gwerra, mingħajr ebda differenza għat-twemmin tagħhom.