L-Isqfijiet Maltin imnikkta bil-vjolenza fuq l-insara fl-Iraq

L-Arċisqof Pawlu Cremona, l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech u l-Isqof Awżiljarju Charles J. Scicluna jinsabu mnikkta bl-ammont ta’ vjolenza mxerrda f’bosta pajjiżi fejn hemm il-gwerrer u persekuzzjoni kontra l-insara, partikolarment fit-tramuntana tal-Iraq.
Fi stqarrija, l-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex qalu li b’għafsa ta’ qalb qed isewgu lil dawn ħutna nsara li qed jiġu mkeċċija minn djarhom.
Għalhekk, imqanqlin mill-appell li għamel il-Papa Franġisku biex noffru talb lil Alla għar-rikonċiljazzjoni fl-Iraq, l-Isqfijiet qed jistiednu lill-insara Maltin kollha biex jitolbu għall-paċi u l-imħabba fost il-popli u dawk ta’ twemmin differenti.
Qed issir ukoll sejħa lill-qlub ġenerużi tal-Maltin biex b’offerta żgħira ngħinu lil dawn il-komunitajiet insara li jinsabu għaddejjin minn tbatija kbira.
Kull min jixtieq jagħmel għotja għandu jwassalha lill-Kappillan biex tingħata lill-komunitajiet insara fl-Iraq.
Fil-Quddies kollu, waqt it-Talba tal-Ġemgħa se jiżdiedu dawn l-invokazzjonijiet jew talb ieħor bl-istess intenzjoni.
Minn informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt aktar tard dan ix-xahar fil-Mellieħa se tiġi organizzata wkoll attività djoċesana ta’ talb għall-paċi fid-dinja u għall-insara ppersegwitati.