L-Isqfijiet Koreani jappoġġjaw il-Pjan ta’ Paċi tal-President tal-Korea t’Isfel

Il-President tal-Konferenza Episkopali tal-Korea t’Isfel laqa’ bil-ferħa l-inizjattiva tal-paċi li ħa l-President tal-pajjiż Moon Jea-in u sostna li din l-inizjattiva taqbel mal-fehma tal-Knisja dwar kif jista’ jkun hemm il-paċi fil-peninsula Koreana.
Kemm ilu li ħa l-poter, Moon qed isostni li pajjiżu se jkun fuq quddiem biex jara li jkun hemm paċi bejn il-Korea ta’ Fuq u pajjiżu.
L-Arċisqof Hyginus Kim Hee-joong ta’ Gwangju ddikjara li jaqbel perfettament mad-direzzjoni li qabad il-President Moon għal dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet  bejn iż-żewġ pajjiżi.
Il-President tal-Korea t’Isfel wiegħed li se jaħdem biex il-peninsula Koreana tkun meħlusa mill-enerġija u l-armi nukleari billi tiggarantixxi s-sigurta’ tal-Korea ta’ Fuq u l-bini ta’ sistema ta’ paċi permanenti u billi jkun hemm skambji ekonomiċi u ċivili bejn iż-żewġ pajjiżi.
L-Isqfijiet Koreani qed jappoġjaw bis-sħiħ dan il-pjan. “Għandna bżonn ftehim ta’ paċi li jkun appoġġjat mill-pajjiżi ġirien u għandhom jerġgħu jibdew l-iskambji bejn iż-żewġ naħat, it-tħaddim tal-kumpless industrjali ta’ Kaesong u t-turiżmu lejn il-Muntanja Keumkang, li t-tnejn jinsabu fil-Korea ta’ Fuq”, qal l-Arċisqof Kim.
Iż-żewġ Korei ilhom mifruda minn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija meta l-Korea ġiet meħlusa mill-Ġappun.  Il-Gwerra tal-Korea bejn l-1950 u l-1953 għamlet liż-żewġ naħat għedewwa kbar.