L-Isqfijiet kontra d-diskriminazzjoni fl-abbozz ta’ liġi fuq l-ugwaljanza

Read in English.

L-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex urew l-appoġġ tagħhom lejn l-ugwaljanza u kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni. Dan għamluh b’rabta maż-żewġ abbozzi ta’ liġijiet li qegħdin jiġu diskussi fil-Parlament għall-promozzjoni tal-ugwaljanza u biex titneħħa kull forma ta’ diskriminazzjoni fis-soċjetà.

Fi stqarrija konġunta, l-Arċisqof Charles Scicluna, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi u l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma, insistew li l-Knisja hija obbligata tingħaqad fl-isforzi li qegħdin isiru favur l-ugwaljanza u kontra d-diskriminazzjoni.

Favur l‑ugwaljanza u kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni

L-Isqfijiet sostnew li l‑ebda persuna m’għandha tiġi diskriminata minħabba l‑kulur tal‑ġilda, in‑nazzjonalità, l‑orjentazzjoni sesswali, id‑diżabbiltà, ir‑reliġjon, l‑età, l‑opinjoni politika jew karatteristiċi oħra li jagħmluha persuna unika, għaliex “id‑dinjità tal‑bniedem hekk tirrikjedi.” Ingħad li t‑tagħlim tal‑Knisja jagħti valur lil kull persuna mill‑konċepiment sal‑mewt naturali tagħha.

Il‑libertà tal‑kuxjenza u tar‑reliġjon

Minkejja l-approvazzjoni tagħhom l-Isqfijiet urew tħassib dwar ċerti klawżoli fl‑abbozzi li għandhom implikazzjonijiet serji għax, skonthom, se joħonqu l‑libertà tal‑bniedem.

Qalu li hemm periklu serju li dawn l‑abbozzi, jekk mhux emendati bil‑għaqal u b’mod trasparenti, jipperikolaw il‑libertajiet fundamentali li dejjem gawdejna.

Id‑dritt tal‑ġenituri li jagħżlu l‑iskejjel għal uliedhom

L-Arċisqof Charles Scicluna, l-Isqof t’Għawdex Anton Teuma u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi appellaw biex jibqa’ jiġi mħares id‑dritt tal‑ġenituri li jagħżlu liema skola jixtiequ għal uliedhom.

L-istqarrija maħruġa mill-Kurja tgħid li jekk jagħżlu skejjel tal‑Knisja jew skejjel li għandhom etos partikolari, għandu jiġi assigurat li l‑għażla tal‑kapijiet u ta’ min imexxi dawn l‑iskejjel ikunu persuni li jħarsu u jippromovu l‑etos u l‑valuri ta’ dawk l‑iskejjel. Dawn l‑għażliet m’għandhomx jitqiesu diskriminatorji, qalu l-Isqfijiet, u b’hekk ikun salvagwardjat id‑dritt tal‑ġenituri li l‑edukazzjoni u t‑tagħlim li jirċievu wliedhom ikun b’konformità mal‑konvinzjonijiet reliġjużi u filosofiċi tagħhom.

L‑etos tal‑iskejjel tal‑Knisja

L-Isqfijiet stqarrew li l‑principji, il‑valuri u l‑etos tal‑iskola m’għandhomx jiġu mgħoddija biss waqt il‑lezzjoni tar‑reliġjon imma f’suġġetti varji inkluż il‑PSCD, l‑istorja, il‑letteratura, tagħlim ambjentali, ix‑xjenzi, il‑lingwi u suġġetti oħra, kif ukoll waqt attivitajiet oħra fl‑iskola u barra minnha u dawk kokurrikulari.

L-edukaturi għandhom jintgħażlu għax ikunu l-persuni li jgħinu fit-tkattir ta’ din l-etos, u mhux ikunu indifferenti jew ostili lejh.

Id‑dritt għall‑oġġezzjoni tal‑kuxjenza

L-Isqfijiet ingħaqdu mal-appell tat-tobba, sabiex huma, u min jirrikjedi dan f’xogħlu, jingħata d-dritt għall-oġġezzjoni tal-kuxjenza, ħalli ħadd ma jkun imġiegħel jagħmel jew jipparteċipa f’attivitajiet li jmorru kontra l-kuxjenza tiegħu.

L-Isqfijiet temmew jgħidu li l-prinċipji li elenkaw jistgħu jsaħħu dan l-abbozz ta’ liġi biex f’Malta verament tirrenja l-ugwaljanza u ma jkunx hawn diskriminazzjoni.