L-Isqfijiet Kenjani jikkundannaw mossa tal-Gvern; iridu djalogu nazzjonali

L-Isqfijiet fil-Kenja oġġezzjonaw id-deċiżjoni tal-President Kenjan, Uhuru Kenyatta, li jagħlaq l-istazzjonijiet tal-midja wara li r-rivali ewlieni tiegħu fl-elezzjoni li għaddiet għamel ċerimonja li fiha ddikjara lilu nnifsu bħala l-president tal-poplu.
L-erba’ stazzjonijiet ewlenin tal-midja fil-Kenja ilhom sospiżi mill-Gvern Kenjan mit-30 ta’ Jannar li għadda, meta ħabbru li kienu se jxandru attività ta’ Raila Odinga, li tilef il-ġirja presidenzjali ma’ Kenyatta waqt kampanja mdemmija u turbulenti.
Waqt diċ-ċerimonja, Odinga żamm il-Bibbja f’idu waqt li pproklama lilu nnifsu bħala l-veru president tan-nies.
Sadanittant, l-Isqfijiet Kenjani ħarġu stqarrija fit-tieni ta’ Frar, iffirmata miċ-Ċermen tal-Konferenza tal-Isqfijiet fil-Kenja, l-Isqof Philip Anyolo, li kienet tgħid li l-għeluq ta’ dawn l-istazzjonijiet huwa affront dirett lil-libertà tal-espressjoni, barra li huwa att mhux kostituzzjonali mill-Gvern stess.
“Huwa ġest rigressiv u att deliberat biex jimmina l-passi pożittivi li ħa l-pajjiż u l-poplu tiegħu fit-tfassil tal-kostituzzjoni bħala patt soċjali”, saħqet l-ittra.
Anki l-Kummissarjat Għoli tan-Nazzjonijiet Magħquda għad-Drittijiet tal-Bniedem ikkundanna dil-mossa, u d-Dipartiment tal-Istat qal ukoll fi stqarrija li hu mħasseb b’dal-pass.
L-Isqfijiet komplew jgħidu li lesti biex jiftħu djalogu nazzjonali sabiex, fi kliemhom, ifejqu lill-pajjiż mill-firda politika li qed tmarrad lin-nazzjon, anki fl-irwol tagħhom bħala Knisja li tippromwovi l-paċi u l-ġustizzja.
Tnejn mill-istazzjonijiet reġgħu bdew ixandru tlitt ijiem ilu.
L-elezzjoni presidenzjali fil-Kenja saret f’Awwissu li għadda meta rebaħ Kenyatta, iżda r-riżultat ġie annullat minħabba prattiċi ħżiena fl-għadd tal-voti.
Meta reġgħet ssaret f’Ottubru, Odinga rrifjuta li jieħu sehem, u Kenyatta rebaħ bil-kbir.
Sadanittant, fi tweġiba l-Gvern qal li s-sospensjoni ta’ dawn l-istazzjonijiet saret għall-interess tan-nazzjon.
Fir-ritratt: Raila Odinga jgħolli l-Bibbja u jipproklama lilu nnifsu l-president tal-poplu