L-Isqfijiet Kattoliċi jappellaw biex ikun evitat il-konflitt bejn l-Istati Uniti u l-Korea ta’ Fuq

Hemm bżonn ta’ diplomazija u diskussjonijiet politiċi biex ikun riżolti d-differenzi bejn l-Istati Uniti u l-Korea ta’ Fuq biex ikun evitat konflitt militari. Dan qalu l-President tal-Kumitat tal-Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi għall-Ġustizzja u l-Paċi, f’ittra li bagħat lis-Segretarju tal-Istat Amerikan, Rex Tillerson.
Fl-ittra ntqal li l-Isqfijiet Kattoliċi jagħrfu li t-theddida tal-vjolenza mill-Korea ta’ Fuq ma tistax tkun sottovalutata jew injorata, iżda ċ-ċertezza li azzjoni militari tħalli effetti katastrofiċi ta’ mwiet u distruzzjoni għandha twassal lill-Istati Uniti biex flimkien mal-bqija tal-komunità internazzjonali taħdem għal soluzzjoni politika u diplomatika bażata fuq id-djalogu.
L-ittra ntbagħtet wara ġranet li matulhom iż-żewġ naħat ma waqfux jheddu lil xulxin. Id-diskors iebes bejn iż-żewġ mexxejja ħrax wara li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti approva sanzjonijiet ekonomiċi ġodda kontra l-Korea ta’ Fuq.
L-Isqfijiet Amerikani ddikjaraw li jaqblu mal-pożizzjoni meħuda mill-Konferenza tal-Isqfijiet Koreani li qed jappoġġjaw l-inizjattiva tal-President tal-Korea t’Isfel li jibda taħditiet umanitarji u militari mal-President tal-Korea ta’ Fuq. Qalu li b’solidarjetà  mal-Korea t’Isfel, iħeġġu lill-Istati Uniti biex jappoġġjaw dawn it-taħditiet. Din it-triq, kuntrarju għal ħafna oħrajn, toffri lill-peninsula Koreana futur ħieles mill-konflitti u kriżijiet militari.
L-Arċisqof Silvano Tommasi, rappreżenant tal-Vatikan għall-Aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti f’Ġinevra qal li flok jibnu ħitan, ikattru d-dissidenza jew jheddu bil-possibbiltà li jużaw il-forza, iż-żewġ pajjiżi għandhom  jadottaw attitudni kostruttiva fl-interess tal-popli.