L-Isqfijiet Kattoliċi fil-Filippini jħeġġu għal azzjoni dwar il-bdil fil-klima

Il-laqgħa tal-Isqfijiet fil-Filippini fejn iddiskutew it-tibdil fil-klima

L-Isqfijiet Kattoliċi fil-Filippini tkellmu dwar il-periklu għall-ambjent f’pajjiżhom f’Ittra Pastorali importanti fejn ikkundannaw “it-tifrik kontinwu tad-dar komuni tagħna” u appellaw għal konverżjoni ekoloġika minħabba l-emerġenza fil-klima.

L-Ittra Pastorali maqsuma fi tmien taqsimiet.  Fl-ewwel nofs hemm riflessjonijiet dwar l-istat attwali tal-ambjent u t-tieni parti fiha proposti konkreta għal azzjonijiet ekoloġiċi.

Bħal kif għamlet l-Enċiklika “Laudato Si”, l-Isqfijiet enfasizzaw li l-karba tal-pjaneta hi urġenti daqskemm hi l-karba tal-foqra għall-ġustizzja soċjali. “L-għażla tagħna favur il-fqir timbuttana biex naħdmu favur l-ifqar fost il-fqar li jitolbu ‘l Alla għal ġustizzja.  Hu obbligu morali tagħna li nwieġbu għat-tbatija ta’ dawn in-nies”, qalu l-Isqfijiet Filippini.

Theddida għall-foqra fid-dinja

“Minħabba r-rata għolja ta’ faqar fil-Filippini il-ħtieġijiet ambjentali huma ta’ mportanza kbira. Il-faqar u t-taħsir tal-ambjent huma marbuta flimkien”, tgħid il-Pastorali. Anke l-Papa Franġisku wkoll isostni li l-bidla fil-klima hi ta theddida għall-foqra tad-dinja.

L-Ittra Pastorali ssemmi l-problemi li qed jiffaċċja l-pajjiż fosthom l-isfruttar irresponsabbli tar-riżorsi, u d-dipendenza dejjem tiżdied fuq enerġija prodotta minn riżorsi li jħammġu, fosthom il-faħam. Diversi studji huru li l-Filippini hi wieħed mill-aktar pajjiżi milquta mill-bidla fil-klima.

“Hemm bżonn li għan-nom ta’ dawk li m’għandhomx vuċi u għall-ġid tal-pjaneta, nieħdu azzjoni dwar it-tibdil fil-klima”, sostnew l-Isqfijiet fil-Pastorali li ħarġet wara l-assemblea tagħhom li saret riċentement f’Manila, bl-iskop li ssir xi ħaġa prattika fuq il-passi ta’ “Laudato Si”.

Azzjonijiet ekoloġiċi

Aktar kmieni din is-sena l-Vatikan kien staqsa lill-Knisja fil-Filippini x’għamlu dwar l-isfidi li għamel il-Papa fl-Enċiklika tiegħu? L-Isqfijiet qablu li ma jħallux li r-riżorsi finanzjarji tal-Knisja u l-istituzzjonijiet tagħha jkunu nvestiti f’impjanti tal-enerġija li jaħdmu fil-faħam jew f’kumpanniji li għandhom il-minjieri.

L-Isqfijiet tal-Filippini jagħtu struzzjonijiet lill-Kattoliċi biex jgħixu t-tagħlim tal-iskrittura kif imfissra fl-Enċiklika Laudato Si. Ħabbru wkoll i-twaqqif ta’ “ecology desk”  f’kull ċentru djoċesan biex jaħdmu proprju fuq il-ħtiġijiet ambjentali.

L-Isqfijiet ikkonfermaw l-għaqda tagħhom mal-Papa biex jintlaħaq l-iskop komuni li nipproteġu “l-eko-sistemi fraġli mit-theddida kontinwa tal-kriżi ekoloġika.”

“Aħna għandna d-dover morali biex nieħdu azzjonideċisiva flimkien biex insalvaw id-dar komuni tagħna. Dan hu d-dover Kristjan u r-responsabbiltà tagħna”, qalu l-isqfijiet tal-Filippini.