L-Isqfijiet jilqgħu lill-Kardinal Elett Mario Grech lura f’Malta

Isqof Mario Grech Arċisqof Charles Scicluna
Kurja – knisja.mt/ritratti

Read in English.

L-Isqfijiet dalgħodu marru l-ajruport sabiex jilqgħu lill-Kardinal Elett Mario Grech lura Malta.

Mons. Mario Grech intlaqa’ fl-ajruport mill-Arċisqof Charles Scicluna, mill-Isqof t’Għawdex Anton Teuma u mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi. Huwa kien ġej minn Ruma.

Il-Prim Ministru Robert Abela wkoll mar jilqa’ lill-eks Isqof t’Għawdex fl-ajruport biex jifraħlu.

Aktar kmieni dalgħodu lqajt lil Kardinal Elett Monsinjur Mario Grech mal-wasla tiegħu f’Malta.Erġajt fraħtlu mill-ġdid tal-ħatra tiegħu f’isem il-Maltin u l-Għawdxin kollha.

Posted by Robert Abela on Friday, October 30, 2020

L-istemma kardinalizja tal-Isqof Mario Grech, li se jinħatar Kardinal fil-Konċistorju tat-28 ta’ Novembru li ġej, hija l-istess waħda li kellu bħala Isqof ta’ Għawdex biż-żieda tas-salib bi tmien ponot tal-Ordni ta’ San Ġwann – magħruf bħala s-Salib ta’ Malta – fil-parti ta’ isfel fejn hemm l-arma ta’ Għawdex, kif ukoll tal-kappell aħmar bi tletin ġummiena mdendla minnu, ħmistax fuq kull naħa, simbolu tal-grad ta’ kardinal.

Dan tħabbar waqt Konferenza Stampa li ta lill-midja l-Isqof Mario Grech dalgħodu mal-wasla tiegħu fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Malli niżel mill-ajruplan li wasal f’titjira minn Ruma għall-ħabta tal-11.30am, Mons. Grech
ġie milqugħ mill-Prim Ministru Robert Abela, mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo, minn Dr Frank Zammit, Ambaxxatur ta’ Malta għas-Santa Sede, flimkien ma’ delegazzjoni magħmula minn Mons. Alessandro d’Errico, Nunzju Appostoliku għal Malta, mill-Isqfijiet u mill-ġenituri tiegħu.

Tħabbar ukoll li l-Konċistorju li fih Mons. Mario Grech se jsir Kardinal is-Sibt 28 ta’ Novembru, lejlet l-Ewwel Ħadd tal-Avvent, se jinżamm fuq l-Altar tal-Katedra ta’ San Pietru fl-4pm. F’dik l-okkażjoni, il-Kardinal Grech – li ssemma l-ewwel wieħed fil-lista mill-Papa Franġisku u għalhekk għandu d-dritt tal-preċedenza – mistenni jagħmel id-diskors taċ-ċirkustanza f’isem sħabu l-porporati ġodda.

Dritt wara l-Konċistorju, kif issa saret konswetudni, il-Papa Franġisku flimkien mat-13-il kardinal ġdid, mistennija jagħmlu żjara ta’ rispett lill-Papa Emeritu Benedittu XVI fir-residenza tiegħu fil-Belt tal-Vatikan.

L-għada l-Ħadd 29 ta’ Novembru filgħodu, il-Papa jqaddes fuq l-Altar Maġġur tal-Bażilika
ta’ San Pietru flimkien mal-kardinali l-ġodda, waqt li t-Tnejn 30 ta’ Novembru, il-Kardinal il-ġdid Grech mistenni jmexxi Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr fuq wieħed mill-altari laterali tal-Bażilika ta’ San Pietru, li tkun fit-8am.

Issa li l-Isqof Mario Grech se jkun jifforma parti mill-grupp tal-hekk imsejħa ‘kardinali
djakni’, li ġeneralment huma dawk il-kardinali li jaqdu fil-Kurja Rumana u għalhekk qrib tal-Papa, hu jiġi assenjat it-titlu ta’ waħda mill-knejjes djakonali fil-Belt Eterna.

Fil-konferenza ta’ dalgħodu, l-Isqof Grech reġa’ esprima r-radd ta’ ħajr tiegħu lill-Papa Franġisku. Hu tenna li din il-ħatra tixhed mhux biss għall-fiduċja li l-Papa Franġisku għandu fih, imma wkoll f’kemm il-Kap tal-Knisja Kattolika jemmen fil-Knisja f’Malta u Għawdex. Hu semma li minkejja l-impenji tiegħu f’Ruma, hu se jibqa’ jħossu dejjem iben tal-Knisja lokali li lilha jaf il-vokazzjoni tiegħu u li ħejjietu għal din is-sejħa ġdida li qed jagħmillu l-Mulej permezz tal-Papa.

Knisja.mt

Aktar tard waranofsinhar, l-Isqof Grech flimkien mal-Isqfijiet Maltin għamel żjara lill-qabar tal-Arċisqof Ġużeppi Mercieca (li kien minn Għawdex) fil-Katidral tal-Imdina.

Nhar il-Ħadd li għadda tħabbar illi Mons. Grech intgħażel mill-Papa Franġisku nnifsu biex jinħatar Kardinal. Huwa bħalissa jokkupa l-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tas-Sinodu għall-Isqfijiet. Għal din il-kariga kien intgħażel mill-Papa wkoll.

Fl-ittra li kitiblu biex jifraħlu għall-ħatra tiegħu, il-Papa qallu li jittama li din il-vokazzjoni se tkattar fih l-umiltà u s-sens ta’ servizz. Ħeġġu biex ix-xewqat sbieħ jilqagħhom b’sens ta’ umiltà, u biex iċ-ċelebrazzjonijiet li jagħmel ma jkunux ta’ din id-dinja.