L-Isqfijiet ifaħħru l-Gvern li aċċetta l-vapur bl-immigranti jidħol f’Valencia

L-Isqfijiet Kattoliċi Spanjoli faħħru d-deċiżjoni tal-Gvern li aċċetta li vapur mimli immigranti li kienu salvati fil-Mediterran, jidħol fil-port ta’ Valencia wara “li kien irrifjutat mill-Italja u minn Malta”.

“Agħtu merħba, protezzjoni u integrazzjoni” kiteb fi Tweet Mons. Josè Maria Gil Tamayo, Segretarju tal-Konferenza Episkopali Spanjola, hekk kif laqa’ bil-ferħ id-deċiżjoni tal-Gvern ġdid Spanjol.

“Li naċċettaw l-immigranti fil-Port ta’ Valencia hu ġest sabiħ ta’ solidarjetà min-naħa ta’ Spanja li lilna l-Isqfijiet jagħtina pjaċir”, qal Mons Tamayo.

Il-vapur Aquarius b’629 immigrant fuqu ilu mblukkat fil-Mediterran mill-10 ta’ Ġunju u wara ħafna battibekki bejn l-Italja u Malta, għal raġunijiet umanitarji, Spanja aċċettat li jidħol il-vapur f’port tagħha.

Il-Kardinal Antonio Canizares ħabbar it-tnedija ta’ inizjattiva biex tgħin u tipprovdi edukazzjoni lill-immigranti fuq il-vapur. Il-Kardinal Carlos Osoro Sierra ta’ Madrid ukoll offra l-appoġġ tiegħu għal din l-inizjattiva.

“Kont barrani u lqajtuni”, qal il-Kardinal Sierra, “lil hinn mill-kunsiderazzjonijiet politiċi u legali, jekk naqraw l-Evanġelju naraw li l-“Aquarius” hu sejħa minn Kristu lill-Ewropa”.

Din mhix l-ewwel darba li l-Isqfijiet Spanjoli tkellmu dwar l-immigrazzjoni. B’mod regolari kkundannaw in-nuqqas ta’ Spanja li tirrispetta li tieħu l-kwota ta’ immigranti stabbilita mill-Unjoni Ewropea u kkritikaw ukoll il-kundizzjonijiet li fihom laqgħet l-immigranti fuq il-peninsula Iberjana.