L-Isqfijiet jappellaw għal azzjoni b’rabta mad-49 immigrant fil-Mediterran

L-Arċisqof Charles Scicluna, l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech, u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi qalu li s-sitwazzjoni tad-49 immigranti li ilhom jiem fil-baħar Mediterran hija waħda ta’ desperazzjoni li tirrikjedi azzjoni.

L-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex qalu dan f’ittra li bagħtu lis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni tal-Konferenzi tal-Isqfijiet tal-Unjoni Ewropea (COMECE).

Fl-ittra, l-Isqfijiet esprimew it-tħassib tagħhom dwar dak li qed jiġri u talbu għall-għajnuna tal-kollegi tagħhom fl-Ewropa.

Din hija t-tieni darba li l-Isqfijiet qed jikkummentaw dwar is-sitwazzjoni. Qabel talbu għal azzjoni konkreta.

“Ironikament, hekk kif aħna l-Kattoliċi konna qed niċċelebraw it-twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu li huwa wkoll ma ngħatax kenn fit-twelid, grupp ta’ 32 migrant ġie mċaħħad milli jingħata kenn fl-Ewropa wara li ġie salvat ’il barra mil-Libja. Dawn il-persuni ilhom fuq il-baħar fuq bastiment ta’ salvataġġ għal mhux inqas minn 13-il jum, u tħallew jidħlu biss fl-ibħra territorjali Maltin ilbieraħ, l-Erbgħa 2 ta’ Jannar, biex jistkennu minn maltempata. 17-il migrant ieħor salvati minn bastiment ieħor ta’ għaqda mhux governattiva oħra ilu fuq il-baħar għal ħamest ijiem.”

L-Isqfijiet kitbu li wieħed jista’ biss jimmaġina t-tbatija żejda li qed iġarrbu dawn l-irġiel, nisa u tfal, li l-unika ‘tort’ tagħhom huwa li qed jaħarbu minn ambjent kiefer bit-tama għal ħajja aħjar li tirrispetta d-dinjità tal-bniedem.

“Din is-sitwazzjoni, li issa għandha bżonn urġenti ta’ azzjoni, wasslet lilna l-Isqfijiet Maltin biex ripetutament nappellaw lill-mexxejja ta’ pajjiżna biex juru solidarjetà b’mod tanġibbli. Minkejja l-limitazzjonijiet tagħha minħabba ċ-ċokon u d-densità għolja tal-popolazzjoni, Malta qed tilgħab rwol importanti fis-salvataġġ u meta hu possibli, fir-rilokazzjoni tal-migranti.”

L-Isqfijiet fakkru kif matul l-aħħar jiem, il-Forzi Armati ta’ Malta salvaw fuq il-baħar u niżżlu f’Malta 249 migrant li kienu fil-periklu. Qalu li l-Knisja f’Malta qed tikkopera b’mod attiv mal-Gvern Malti biex toffri akkomodazzjoni u ospitalità lil dawn il-migranti.

“Aħna nifhmu li sitwazzjonijiet kumplessi bħal dawn jeħtieġu soluzzjoni Ewropea, u huwa għalhekk li qed inħeġġuk tistieden lill-Konferenzi Episkopali madwar l-Ewropa biex jieħdu azzjoni simili u jappellaw lill-mexxejja tal-pajjiżi rispettivi tagħhom. Fl-istess ħin, nistiednu lill-Kattoliċi madwar l-Ewropa biex jitolbu bil-qawwa sabiex dan il-kontinent missjunarju jgħożż il-valuri Nsara li ffurmaw l-identità tiegħu billi juri solidarjetà u jsalva lil ħutna fil-bżonn.”

Tista’ taqra rapport dettaljat u l-ittra oriġinali minn hawn.

Il-Kummissjoni Ewropea għall-Migrazzjoni, l-Intern u ċ-Ċittadinanza qed tikkuntattja l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea sabiex isibu soluzzjoni għall-bastiment Sea-Watch 3 li bħalissa jinsab isalpa 3 mili nawtiċi ‘l barra minn Malta u Sea Eye. Dan wara li l-Gvern Malti ta l-permess li dan isir.