L-Isqfijiet jappellaw biex il-kampanja elettorali tkun waħda bbażata fuq l-ispirtu ta’ rispett u verità

L-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex appellaw biex il-kampanja elettorali tkun waħda bbażata fuq l-ispirtu ta’ rispett u verita’ sabiex b’hekk il-verdett tal-poplu jiġi onorat bl-onesta’ u s-sigurta’ li jitħoqqlu. L-Arċisqof Pawlu Cremona, l-Isqof Mario Grech u l-Isqof Charles J. Scicluna qalu dan f’Ittra Pastorali għall-Elezzjoni Ġenerali. Din qed tinqara fil-knejjes bejn illum u għada.

It-tliet Isqfijiet emfasiżżaw il-punt li dan huwa mument importanti f’soċjetà demokratika fejn kull ċittadin għandu d-dmir li jipparteċipa bil-libertà u b’mod responsabbli. Min-naħa l-oħra, huma qalu li l-kandidati politiċi għandhom ikunu ta’ servizz għal kull individwu.

Fl-Ittra Pastorali, l-Isqfijiet Maltin sostnew li l-Knisja hija fid-dmir li ddawwal lil kulħadd f’dak li għandu x’jaqsam il-ġid komuni u l-ħarsien tad-dinjità ta’ kull persuna. Komplew jgħidu li l-Knisja tistenna li tibqa’ tgawdi l-ħelsien li permezz tiegħu tkompli tippromwovi l-missjoni pastorali. L-Isqfijiet semmew erba’ aspetti li qalu huma ferm importanti għas-soċjetà Maltija. Dawn huma l-familja, iż-żgħażagħ, il-foqra u l-batuti, u l-ambjent.

Dwar il-familja, l-Isqfijiet qalu li din għandha tkun mibnija fuq iż-żwieġ u fi ħdan ambjent naturali u soċjali li minnu jitwieldu u jitrabbew l-ulied. Huma ħeġġew lill-partiti politiċi sabiex jippromwovu dan it-tip ta’ ambjent fi ħdan il-familja, li qalu li l-maġġoranza tal-Maltin għadhom jgħożżu. Madanakollu żiedu jgħidu li l-liġijiet relatati ma’ relazzjonijiet differenti għandhom jiżguraw li tkun imħarsa d-dinjità ta’ kull individwu mingħajr ma jiċċekken l-irwol essenzjali tal-familja: tal-missier u l-omm flimkien mat-tfal.

Dwar iż-żgħażagħ, l-Isqfijiet Maltin appellaw sabiex il-ġenerazzjoni żagħżugħa tkompli tgawdi mill-għajnuniet kollha neċessarji fl-edukazzjoni u fil-prospetti tax-xogħol. Huma tennew li għandha tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra d-droga. Tkellmu dwar il-fqar u l-batuti li qalu jibqgħu dejjem fil-ħsieb tal-Knisja. Waqt it-ftittxija tal-progress ekonomiku, l-Isqfijiet qalu li għandu jiġi żgurat li l-ġid jitqassam b’mod ġust u li l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema ikomplu jitjiebu.

Rigward l-ambjent, l-Isqfijiet qalu li dan huwa patrimonju imprezzabbli li huwa fid-dmir ta’ kulħadd għax dan huwa l-ħolqien t’ Alla u għandu dejjem jiġi mħares.

Link biex taqra l-Ittra Pastorali: http://maltadiocese.org/lang/mt/news/pastoral-letter-regarding-the-general-election-2013ittra-pastorali-dwar-l-elezzjoni-generali-2013/

Ritratt: Daniel Balzan

Ħalli l-kumment tiegħek hawn taħt.