L-Isqfijiet Irlandiżi jħeġġu lill-poplu jirreżisti l-liġi dwar l-abort

Poster bi kliem favur u kontra l-abort fi triq f'Dublin

Fil-bidu ta’ din is-sena fl-Irlanda daħlet fis-seħħ il-Liġi dwar l-Abort li kienet approvata wara referendum li kien sar f’Mejju li għadda. L-Isqfijiet Kattoliċi Irlandiżi qed iħeġġu lill-insara biex jirreżistu din il-liġi li “ma għandha ebda saħħa morali u l-Kattoliċi għandhom jirreżistuha”.

Fit-22 ta’ Mejju tal-2018, żewġ terzi tal-Irlandizi kienu vvutaw biex mill-Kostituzzjoni tal-pajjiż titneħħa l-protezzjoni tad-dritt għall-ħajja ta’ trabi mhux mitwielda.  Issa l-liġi l-ġdida tippermetti li mara titlob abort sat-12-il-ġimgħa tat-tqala u tippermetti wkoll li jsir abort sa 24 ġimgħa għal raġunijiet mhux speċifikati fis-saħħa tal-mara jew anke sa qabel it-twelid fejn it-tarbija jkollha kundizzjoni li ma tħallihiex tgħix fit-tul wara li titwieled.

L-Arċisqof Eamon Martin li hu l-President tal-Konferenza Episkopali Irlandiża, f’messaġġ dwar din il-liġi l-ġdida qal li “ħadd ma jista’ jappoġġja din il-liġi b’kuxjenza safja” u appella lill-Kattoliċi “biex ikomplu jitkellmu u jaħdmu bil-għaqal biex din il-liġi tkun limitata, emendata u possibbilment titħassar”.

L-Aġenzija tal-Aħbarijiet ‘Vatican News’ irrappurtat li fit-2 ta’ Jannar saret dimostrazzjoni simbolika żgħira kontra din il-liġi,  quddiem il-bini tal-Parlament Irlandiż.  Kelliem għall-Kampanja Favur il-Ħajja, qalet li l-protesta saret biex turi li l-kampanja biex din il-liġi titneħħa, se tkompli. “Il-Moviment Favur il-Ħajja hu nkwetat ħafna b’dak li seħħ fl-Irlanda u dwar it-telf ta’ ħajja li se tirriżulta minn din il-liġi  nġusta.”

“Aħna se nkomplu niġġieldu b’mod paċifika iżda konsistenti biex nikxfu l-gideb li ntqal waqt il-kampanja tar-referendum u nħarsu ‘l quddiem għal futur aħjar fejn it-trabi mhux mitwielda fl-Irlanda, jerġgħu jkunu milqugħa u protetti mil-liġi.

Skont l-aġenzija tal-Vatikan, l-Isqof Kevin Doran, fil-messaġġ tiegħu tal-Ewwel tas-Sena, qal lill-parruċċani li l-politiċi Kattoliċi li ħadmu favur l-abort “ħadu pożizzjoni li hi kontra l-Knisja u ma jistgħux jippretendu mod ieħor”.

Isqof Irlandiż ieħor, Brendan Leahy ta’ Limerick appella lill-politiċi biex jassiguraw li n-nisa li jkunu qed jesperjenzaw kriżi fit-tqala tagħhom,  ma jaħsbux li l-abort hu l-unika għażla għalihom.

“Irrispettivament minn kif wieħed ivvota r-raġunijiet li għalihom ivvutaw kif ivvutaw, issa hi responsabbiltà ta’ kulħadd li nagħmlu ħilitna u nassiguraw li l-abort ma jkunx ir-risposta tal-poplu Irlandiż meta jinqalgħu problemi fit-tqala.

L-Isqof Leahy żied jgħid li” “Bħala soċjetà irridu nirrikonoxxu li filwaqt li issa għandna liġi li tipprovdi għall-abort, dan mhux dak li rridu aħna. Il-kumpass morali jurina direzzjoni għal kollox differenti. Irridu naħsbu u naħdmu favur il-ħajja u l-ferħ li ġġib magħha.”

“Bħala soċjetà irridu niddeċiedu jekk irridux nippromwovu kultura ta’ ħajja li tisma’ wkoll lit-tarbija. Inħoss li l-maġġoranza tal-poplu Irlandiż hu favur kultura li tipproteġi l-ħajja tat-tarbija fil-ġuf, imma fosthom hemm min irid l-għażla. Meta niġu għal dawn id-deċiżjonijiet iebsa ma nistgħux inħallu l-ħajja tat-tarbija tinkines”, Qal l-Isqof Leahy.

L-Isqof ikkritika wkoll il-limitazzjoni fuq id-dritt għall-oġġezzjoni ta’ kuxjenza peress li bil-liġi l-ġdida, għalkemm tobba u professjonisti mediċi oħra mhux se jkunu obbligati jwettqu abort, imma jkunu qed jiksru l-liġi jekk mara li tkun trid tagħmel abort ma jibgħatuhiex għand tabib ieħor li jagħmlilha abort.

Hu kkwalifika n-nuqqas ta’ protezzjoni tal-kuxjenza bħala kundanabbli u sejjaħ biex il-liġi tkun emendata biex jissaħħaħ id-dritt għall-protezzjoni tal-kuxjenza. “Li ġġiegħel tobba u professjonisti mediċi ma jagħżlux il-ħajja tkun marka kerha fuq pajjiżna għax li ġġiegħel lil xi ħadd ma jagħżilx il-ħajja imur kontra l-umanità tagħna”.