L-Isqfijiet Irlandiżi jappellaw lill-Gvern ġdid biex jaħdem għall-ġid komuni

It-toroq ta' Dublin mimlija kartelluni elettorali

L-Isqfijiet Irlandiżi qed iħeġġu lill-partit li jirbaħ l-elezzjonijiet ġenerali li se jsiru fil-pajjiż nhar is-Sibt li ġej biex jiffukaw il-ħidma tagħha fuq il-ġid komuni.

“Il-politiċi kollha għandhom jimpenjaw ruħhom li jaħdmu għall-ġid komuni tal-Gvern il-ġdid flok ifittxu li jiskurjaw il-punti jew li jkunu popolari”, qal fi stqarrija l-Isqof Alan McGuckain, Chairman tal-Kunsill Ġustizzja u Paċi tal-Konferenza Episkopali Irlandiża.

Il-Prim Ministru Irlandiż Leo Varadkar sejjaħ elezzjonijiet biex ifittex mandat ieħor meta l-pajjiż issa qed jiffaċċja l-konsegwenzi tal-Brexit li seħħet nhar il-Ġimgħa li għadda.

Varadkar qatt ma mexxa l-partit tiegħu, il-Fine Gael f’elezzjoni ġenerali għax hu ħa t-tmexxija tal-pajjiż f’idejh fl-2017 wara l-Prim Ministru Enda Kelly, iżda kien hu l-Prim Ministru li għamel ir-referendum dwar l-abort fil-pajjiż.

Priorities

Fl-istqarrija tiegħu l-isqof McGuckian qal li l-Knisja Kattolika ma tappoġġja ebda partit politiku iżda trid tenfasizza “prijoritajiet importanti li għandha s-soċjetà tagħna f’dan il-mument u li kull politiku li qed ifittex li jkun elett għandu jaħdem biex ikunu ndirizzati. Dawn jinkludu il-housing u n-nies bla dar; il-kura tal-ambjent; it-tolleranza fis-soċjetà u l-isfidi li qed jiffaċċjaw iż-żgħażagħ.”

“Ninnota bi tħassib dak li qed jiġri fil-qasam tad-djar fosthom: li d-djar qed jitqiesu bħala assi finanzjarji minflok bżonn essenzjali. Dan għandu jinbidel biex inpoġġu lill-pesuna, il-familja u l-komunità lokali fiċ-ċentru tal-politika tal-housing.

“Il-fenomenu dejjem jikber ta’ familji bla dar u n-numru dejjem jikber ta’ tfal f’akkomodazzjoni temporanja jridu jkunu ndirizzati għax qed joħolqu tbatija u trawma kbira lil dawn il-familji u t-tfal li se jkollha mpatt serju fuq ħajjithom. Iż-żgħażagħ illum qed isibuha diffiċli ħafna biex jikru jew jixtru d-dar tagħhom u jibdew familja indipendenti.  Jekk din il-problema ma nagħtux każha se jkollha implikazzjonijiet serji fuq is-soċjetà”.

L-Isqof irrefera għal dak li hu sejjaħ li “skandlu” ta’ aktar minn 10,000 persuna li ma għandhomx dar fejn joqgħodu u sostna  li din ma tistax issir normalità u trid tkun indirizzata b’urġenza.

Mons. McGuckian appella għar-rieda politika biex issir xi ħaġa radikali dwar il-bdil fil-klima. “Ilkoll aħna konxji mill-bżonn urġenti li nipproteġu d-dar komuni u nippreservawha għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. L-aħħar fenomeni ta’ temp estrem urewna li jekk ma nagħmlu xejn, l-impatt se jkun wieħed devastanti. F’pajjiżna stess qed naraw it-telf ta’ speċi u l-biodiversita li jagħmluh tant sabiħ u l-bilanċ delikat tal-ħolqien.”

Azzjoni mmedjata

L-Isqof appella lill-Gvern li se jinħatar biex jieħu azzjoni mmedjata dwar problemi ambjentali biex ikun assigurat li ċerti setturi tas-soċjetà, bħalma hu dak agrikolu u dawk li qed jgħixu fil-faqar, ma jispiċċawx żvantaġġati b’mod sproporzjonat bil-politika dwar il-klima u jassigura li l-policies ambjentali ma jispiċċawx vittma ta’ politika faċli.

Mons. McGuckian appela wkoll lill-Gvern il-ġdid li jsib “l-aħjar soluzzjonijiet  umani” biex jakkomoda lir-refuġjati u dawk li qed ifittxu ażil. “Il-gwerrer, reġimi awtoritarji, il-faqar ekonomiku, il-bdil fil-klima qed ikomplu jisfurzaw nies biex jibdew vjaġġi perikolużi bit-tama ta’ ħajja aħjar”.

Fl-aħħarnett, l-Isqof Irlandiż tkellem dwar l-isfidi li qed jiffaċċjaw illum iż-żgħażagħ Irlandiżi.

“Ninsab imħasseb b’mod speċjali dwar l-impatt tax-xogħol prekarju qed ikollu fuq iż-żgħażagħ u l-familji tagħhom. Dan qed jolqot aktar ħażin lil dawk iż-żgħażagħ li huma soċjalment żvantaġġjati u m’għandhom edukazzjoni biżżejjed u allura huma vulnerabbli u qed ikunu esplojtati minn min iħaddimhom minħabba l-limitazzjonijiet tagħhom.

“Il-Gvern il-ġdid irid jagħti prijorità qawwija lill-ġid komuni. Irid ikun impenjat serjament biex jassigura li niksbu l-aħjar riżultati wara Brexit għall-pajjiż kollu u jibqa’ jfittex il-paċi fl-Irlanda ta’ Fuq u relazzjonijiet tajba mar-Renju Unit u l-Ewropa”, temm jgħid l-Isqof McGuckain.