L-Isqfijiet Indjani jikkundannaw il-moħqrija fuq in-nisa

Il-Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi tal-Indja, fi stqarrija ppubblikata ftit jiem ilu bil-firma tas-Segretarju, l-Isqof Theodore Mascarenhas qalet li ma tistax ma tikkommovix ruħek b’dak li ġara f’Kathua u Unnao u f’partijiet oħra tal-pajjiż fejn in-nisa qed ikunu stuprati u maqtula.
“Aħna m’aħniex pajjiż bla ruħ. Kieku konna hekk il-poplu ma kienx jirrabja għal dak li qed jiġri fil-pajjiż. Pajjiżna għandu ruħ, qalb u moħħ. Ruħ li twieġeb għall-atti kriminali li qed jitwettqu kontra n-nisa. Ruħ li tissimpatizza u turi solidarjetà u moħħ li mhux se jaqa’ għal-logħba tal-mibegħda li qed jilagħbu dawk li qed jippruvaw jikkontaminaw il-fibra qaddisa u sekulari tal-pajjiż.
“Ma tistax tibqa’ ċass quddiem dak li seħħ f’Kathua fejn tifla ta’ tmien snin kienet attakkat brutalment, molestata u mqatula, jew dak li ġara f’Unnao fejn nisa qed ikunu stuprati u maqtula. U dawn id-delitti huma aktar u aktar kundannabbli għax sezzjonijiet ta-soċjetà qed jiġġustifikaw dawn id-delitt.
“Dawk  li suppost jissalvagwardjaw is-Saltna tal-Liġi jew saru kompliċi jew qed jiddefendu l-indifensibbli. Ma hemm ebda ġustifikazzjoni għall-istupru u kull min hu f’sensih għandu jitkellem b’vuċi waħda konra dawn id-delitti.
“Ma tistax tibqa’ biered meta tara x’għamlu lil tifla ta’ tmien snin. L-umanità ntremiet mit-tieqa u flok daħal l-agħar forma ta’ mġiba umana. L-attakki ripetuti fuq nisa u tfal għall-gwadann personali, politiku jew reliġjuż mhu xejn ħlief delitt kontra l-umanità.
“U huwa hawn fejn aħna nfittxu l-vuċi tar-raġuni u nistennew li l-pilastri tad-demokrazija jitkellmu immedjatament u b’mod sod għax meta dan ma jsirx inkunu qed ninkoraġixxu l-kriminali biex ikomplu jwettqu dawn id-delitti. Jekk il-ġustizzja ddum ma ssir ma jkunx hemm ġustizzja u jekk l-inġustizzja ma nsejħuhiex b’isimha inkunu qed ninkoraġġuha.
“It-tifla ta’ tmien snin f’Kathua, it-tfajla ta’ 20 sena f’Unnao u kull mara oħra, huma t-tfal tagħna, ħutna, ommijietna. Ir-reliġjon jew ir-razza tagħhom ma jagħmlux anqas ħutna jew barranin għalina.
“L-Isqfijiet Kattoliċi tal-Indja huma spalla ma’ spalla mal-vittmi ta’ dawn id-delitti tal-waħx li qed jitwettqu fil-pajjiż. Nikkundannaw bil-qawwa kollha dawn l-inċidenti serji u lil min wettaqhom jew inkoraġġihom u appoġġjahom, li ġiebu mistħija kbira fuq pajjiżna.
“L-Indja hi pajjiż imnejn ħarġu mexxejja nisa kbar li rriformaw is-soċjetà kemm jekk huma politiċi jew oħrajn fil-kuruduri tal-poter u minkejja dan in-nies Indjani qed ikunu suġġetti kuljum għal delitti tal-waħx. Dan irid jieqaf u l-Knisja Kattolika fl-Indja trid isemma leħinha kontra dawn l-atti barbari ta’ vjolenza fuq in-nisa.
“Jekk intejbu l-kundizzjonijiet tal-mara fil-pajjiż ikollna tama għal futur aħjar. Jekk le, se nibqgħu lura kif aħna sal-lum. Nitolbu 'l Alla jagħtina l-għerf u jilluminana biex flimkien bħala poplu wieħed inqumu u nopponu l-kriminalità u l-inġustizzja f’kull forma tagħhom”, ittemm l-istqarrija tal-Isqfijiet Indjani.