L-Isqfijiet Ġermaniżi jitolbu għad-Djalogu wara r-riżultat elettorali

L-Isqfijiet Ġermaniżi għamlu appell biex tonqos it-tensjoni verbali fil-pajjiż u jkun hemm aktar djalogu u rispett reċiproku wara l-elezzjonijiet ġenerali fil-pajjiż li fihom il-Partit tal-Lemin Estrem rebaħ kważi 13% tal-voti u sar it-tielet l-akbar forza politika fil-pajjiż.
Il-Kanċillier Angela Merkel li tmexxi l-Unjoni tad-Demokratiċi Kristani (CDU) u l-fergħa Bavarjana tagħha is-CSU tilfu madwar 10% tal-appoġġ li kienu jgawdu għalkemm baqgħu l-akbar forza politika fil-pajjiż.  Is-Soċjalisti li sa mill-2013 kienu jagħmlu koalizjoni mas-CDU fit-tmexxija tal-pajjiż, ukoll tilfu 5% tal-voti, iddikjaraw li mhux se jkunu fil-koalizzjoni imma se jmorru fl-Oppożizzjoni.
Il-Kardinal Reinhard Marx, President tal-Konferenza Episkopali tal-Ġermanja wissa’ biex wieħed ma jaħsibx biss “abjad jew iswed” u qal li l-Bundestag – il-Parlament Ġermaniż – m’għandux iħalli deputati jużaw lingwaġġ ta’ mibegħda u emarġinazzjoni.
Il-Kardinal qal li fil-ġejjieni l-Knisja mhux se tibqa’ għal kollox barra mill-politika. Kwestjonijiet bħalma huma dawk tar-refuġjati, il-kultura barranin, il-faqar, il-protezzjoni tal-ħajja mill-konċepiment sal-mewt naturali u l-promozzjoni taż-żwieġ u l-familja għandhom sinjifikat kbir għall-knisja li trid tibqa’ titkellem dwarhom. “Il-mixja lejn il-lemin li hi evidenti mhux biss fil-Ġermanja imma anke fl-Ewropa u l-Istati Uniti hi ta’ tħassib serju”, qal il-Kardinal Reinhard.
L-Arċisqof ta’ Berlin, Heiner Koch qal li l-poplu hu mbeżża’ minn din il-bidla, speċjalment dawk fil-Ġermanja tal-Lvant fejn madwar 30% tal-popolazzjoni ivvutaw għall-Partit tal-Lemin Estrem. “Hu nkwetanti li dan il-Partit kiseb l-aħjar riżultat fir-reġjun tas-Sassonja fejn anke għelbu lis-CDU u sar l-akbar partit hemmhekk”.  Dan ġara għax in-nies f’dan ir-reġjun huma kontra l-politika tal-Kanċillier Merkel dwar ir-refuġjati.