Protestanti miżżewġa lil Kattoliċi jistgħu jibdew jitqarbnu jekk…

Il-Kardinal Reinhard Marx ħabbar li l-Konferenza Episkopali Ġermaniża se toħroġ Ittra Pastorali għall-koppji miżżewġa, li tippermetti li f’ċerti każi, Protestanti miżżewġa lill-Kattoliċi, taħt ċerti kundizzjonijiet, jistgħu jitqarbnu jekk jaffermaw il-fidi kattolika fl-Ewkaristija.
L-ittra hi indirizzata b’mod partikolari lejn operaturi pastorali, u għandha sservi bħala għodda biex tintuża f’sitwazzjonijiet pastorali “biex wieħed jikkunsidra sitwazzjonijiet konkreti u jasal għal deċiżjoni responsabbli dwar il-possibbiltà li s-sieħeb li mhux Kattoliku, jitqarben”.
Dan tħabbar wara dibattitu intensiv fi tmiem l-Assemblea Ġenerali tal-Konferenza Episkopali Ġermaniża li għaliha attendew 62 isqof.
Fi stqarrija ntqal li l-premessa li fuqha saret id-diskussjoni hi li “f’każi individwali, il-ġuħ spiritwali għat-tqarbin flimkien minn koppji miżżewġa fejn il-miżżewġin huma ta’ denominazzjonijiet reliġjużi differenti, jista’ jkun tant kbir li jekk ma jkunx sodisfatt jista’ jpoġġi ż-żwieġ u l-fidi tagħhom fil-periklu”.
Dan jgħodd aktar u aktar fejn il-miżżewġin jixtiequ jgħix ż-żwieġ tagħhom skont il-kuxjenza bħala koppja Nisranija.
Il-messaġġ ewlieni tal-Isqfijiet Ġermaniżi hu li “kull min għandu żwieġ li jgħodd bejn koppji ta’ denominazzjonijiet differenti, wara eżami matur f’konverżazzjoni spiritwali mas-saċerdot jew l-operatur pastorali responsabbli, jaslu għal konklużjoni kuxjenzjuża li tafferma l-fidi tal-Knisja Kattolika u jħoss bżonn spiritwali gravi li jirċievi l-ewkaristija, ikun jista’ jersaq lejn l-altar u jitqarben”.
Min-naħa tiegħu l-Kardinal Marx enfasizza “Li dan jgħodd f’każi individwali u jitolbu dixxerniment spiritwali profond”.
Il-Liġi Kanonika tgħid li f’periklu tal-mewt jew f’każ gravi ta’ emerġenza, il-Ministri Kattoliċi jistgħu jamministraw il-qrar, it-tqarbin u l-Griżma tal-Morda lil Protestanti li ma jistgħux isibu ministru tal-komunità tagħhom u li jitolbu dan min jeddhom, basta juru fidi Kattolika rigward dawn is-sagramenti u jkunu disposti b’mod tajjeb biex jirċevuhom.”
L-Arċisqof Ludwig Schick qal li l-Isqfijiet kienu qed ifittxu “deċiżjoni responsabbli” b’mezzi pastorali, fejn jidħlu msieħba mhux Kattoliċi fi żwiġijiet interdenominazzjonali, f’każi individwali.
Fl-aħħar tas-sena 2016 il-komunità Luterana fil-Ġermanja kienet irrappurtat li l-Isqof Franz-Josef Bode ta’ Osnabruck kien qed jittama li jkun rikonoxxut dak li kien diġà qed iseħħ f’ħafna postijiet fejn il-Protestanti kienu qed jersqu għat-tqarbin flimkien mas-sieħba Kattoliċi tagħhom.