L-Isqfijiet fiż-Żambja jwissu minn kriżi ta’ dittatorjat

Il-mexxejja reliġjużi fiż-Żambja fi stqarrija kkritikaw bil-qawwa l-azzjonijiet tal-President tal-pajjiż Edgar Lungu li qed ifixkel lill-istampa mill-qadi ta’ dmirijietha bi ksur tad-drittijiet umani u wissew li l-President qed ilesti t-triq għal dittatura.
L-Arċisqof ta’ Lusaka, Telesphore Mpundu u mexxejja tal-Kunsill tal-Knejjes fiż-Żambja, qalu fi stqarrija konġunta li l-pajjiż jinsab f’salib it-toroq u qed jiffaċċja diversi sfidi u urew it-tħassib tagħhom għan-nuqqas serju ta’ rieda politika biex ikunu ffaċċjati dawn l-isfidi.
Huma qalu li ilhom ġimgħat sħaħ jippruvaw ifehmu lill-President Lungu u issa qed jibżgħu li qed iħejji t-triq għal dittatura. “Huma biss dawk il-mexxejja li ma għandhomx l-appoġġ tal-poplu li jużaw l-istituzzjonijiet tal-Istat biex joħonqu ir-rieda tal-poplu.
It-tensjoni politika fil-pajjiż żdiedet wara l-arrest vjolenti li sar matul il-lejl, tal-mexxej tal-Oppożizzjoni Hakainde Hichilema wara li partitarji tiegħu f’April li għadda kienu involuti fi ġlieda ma’ parteċipanti f’motorcade tal-President.
F’Ġunju, il-mexxej tal-Oppożizzjoni li jista’ jkun ikkundannat għall-mewt, flimkien ma' ħames persuni oħra li kienu arrestati dwar l-istess inċident kienu trasferiti minn ħabs ta’ sigurta’ massima għalll-ħabs ċentrali ta’ Lusaka.
Il-mexxejja reliġjużi qalu li l-mod ħażin li bih qed ikun trattat Hichilema, li kkontesta ħames elezzjonijiet presidenzjali u fl-aħħar waħda tilef bi ftit voti għal Lungu, qed iqajjem allarm fost il-poplu.  Il-pressjoni qawwija li qed issir mill-Gvern fuq il-gazzetti u t-televiżjoni u stazzjonijiet tar-radju kienet qed toħloq atmosfera ta’ biża’, intimidazzjoni u tħeddid.
“Ma jistax ikun hemm rikonċiljazzjoni nazzjonali jekk tibqa’ l-manipulazzjoni tal-verita’ – it-tmexxija li qed naraw bħalissa, qed tħalli l-ksur tal-liġi sakemm minn dan tibbenefika hi. Jekk dan mhux dittatorjat mela x’inhu”, staqsew l-Isqfijiet fl-istqarrija tagħhom.