L-Isqfijiet f’Zambia jfaħħru l-persuni konsagrati

Sorijiet f'Zambi jiċċelebraw Jum il-Ħajja Konsagrata

Mons. Patrick Chisanga, Isqof tad-djoċesi ta’ Mansa fiz-Zambia, li hu wkoll id-Direttur tal-Istitu tal-Ħajja Konsagrata fil-pajjiż, faħħar il-persuni konsagrati li hemm fil-pajjiż għall-preżenza pastorali tagħhom f’diversi djoċesijiet.

F’messaġġ f’isem l-Isqfijiet kollha ta’ Zambia, l-Isqof Chisanga qal li ċ-ċelebrazzjoni ta’ Jum il-Ħajja Konsagrata joffri okkażżjoni li wieħed iħares minn ġewwa u jimpenja ruħu favur il-valuri tal-ħajja konsagrata.

Gratitudni

“Il-Knsija f’Zambia tirrikonoxxi bi gratitudni kbira, il-preżenza u l-attivitajiet apostoliċi fid-djoċesijiet kollha. Bil-preżenza u l-ministeru tagħkom fil-faċilitajiet tas-saħħa, fl-iskejjel, fil-kċejjen tal-ikel u bi programmi oħra ta’ żvilupp integrali uman, il-Mulej jiggarantixxi l-preżenza kontinwa tiegħu fost il-popluj tiegħu u b’mod partikolari dawk li jinsabu fil-ġemb tas-soċjetà. Jalla tkebbsu aktar il-fjamma biex tikber l-imħabba lejn Kristu li permezz tagħha id-dinjità ta’ kull persuna umana tkun rispettata”, qal l-Isqof ta’ Mansa.

L-Isqof qal li l-persuni konsagrati għandhom ikompli bil-ħidma pastorali tagħhom ta’ kuljum, hi x’inhi, bl-imħabba u l-ferħ tal-Evanġelju.

 “Nistedinkom biex tqisu din iċ-ċelebrazzjoni annwali bħala opportunità biex tħarsu lejkom infuskom u timpenjaw ruħkom għall-valuri tal-konsagrazzjoni tagħkom.  Fuq kollox, ħallu t-talb komunitarju u personali tagħkom ta’ kuljum u l-meditazzjoni fuq il-Kelma t’Alla jkunu l-molla li tidderiġikom fil-ħajja u l-attivitajiet tagħkom ta’ kuljum” qal l-Isqof Chisanga.

Xhieda

Jum il-Ħajja Konsagrata kien twaqqaf fl-1997 mill-Papa San Ġwanni Pawlu II biex tiċċelebra x-xhieda tas-servizz li jagħtu n-nies ta’ ħajja konsagrata fil-ħajja tal-Knisja. Il-persuni konsagrati, rġiel u nisa, jgħixu vokazzjoni unika billi jipprofessaw il-voti Evanġeliċi tal-faqar, kastità u ubbidjenza f’kongregazzjonijiet reliġjużi, istituti sekulari u anke privatament.

Il-Jum Dinji tal-Ħajja Konsagrata jkun ċelebrat fl-istess jum tal-Festa tal-Preżentazzjoni ta’ Kristu fit-Tempju, Kristu li hu d-dawl tad-dinja.  Dan hu simboliżmu għax in-nies f’ħajja konsagrata huma msejjħa u mfakkra biex ikunu d-dawl tad-dinja billi b’mod simboliku, matul il-liturġija tal-ġurnata,  jixegħlu xemgħat. Billi huma dan id-dawl, il-persuni konsagrati jilħqu lil dawk li qegħdin fil-periferija tas-soċjetà u li diffiċli jintlaħqu minn persuni oħra.

Fil-Qari tal-Quddiesa ta’ din il-festa, wieħed jiltaqa’ mal-Familja Mqaddsa f’konversazzjoni unika ma’ Xmun u Anna. Dan l-episodju jirrappreżenta l-konverġenza tal-umanità mad-dawl tas-salvazzjoni: it-twelid ġdid ta’ Ġesù Bambin, iż-żogħżija ta’ Marija u x-xwejjaħ Xmun u Anna. Il-punt ta’ konverġenza hu t-Tempju, il-post fejn Alla jgħix.  Minn hawn ilkoll irridu nimxu ‘l quddiem.  Fil-preżenza ta’ Kristu, li hu d-Dawl, kull persuna jsib il-milja tiegħu u s-serenità.

Vita Consecrata

F’Vita Consecrata, Eżortazzjoni Apostolika tga’ wara Sinodu, il-Papa San Ġwanni Pawlu II kiteb dwar forom differenti ta’ ħajja konsagrata bħala “id-diversi friegħi li għandhom l-għeruq tagħhom fl-Evanġelju u jagħtu frott bnin u abbundanti f’kull staġun tal-ħajja tal-Knisja”.

Dawn il-forom differenti jinkludu l-ħajja monastika, Ordnijiet tal-Verġni, Eremiti u Istituti  li huma dedikati kompletament għall-kontemplazzjoni, Ħajja Apostolika Reliġjuża, Istituti sekulari, Soċjtajiet ta’ Ħajja Apostolika li kollha huma deskritti fil-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika.