L-Isqfijiet f’Zambia imħassba dwar kriżi tal-ġuħ fil-pajjiż

Ritratt meħud fl-20 ta’ Novembru li juri il-Victoria Falls, li jinsabu bejn Zambia u Zimbabwe, nexfin qoxqox (ANSA)

Iż-Zambia tinsab f’emerġenza kbira ta’ ġuħ u jidher li l-agħar għad irid jasal bejn Jannar u l-istaġun il-ġdid tal-uċuħ tar-raba li jaħbat f’April tas-sena d-dieħla.

L-Isqof George Cosmas Lungu, tad-djoċesi ta’ Chipata, li hu wkoll il-President tal-Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi tal-pajjiż, ġibed l-attenzjoni dwar din il-kriżi serja.

 Dan kien rappurtat mill-aġenzija tal-aħbarijiet AMACEA News li bi bażata f’Nairobi li titmexxa mill-Isqfijiet tar-reġjun taħt l-awspiċi tal-Assoċjazzjoni tal-Konferenz Episkopali tal-Lvant tal-Afrika.

Ftit xita

L-appell tal-Isqof Lungu segwa messaġġ simili mill-Isqof Evans Cjinyemba tad-djoċesi ta’ Mongu li hu wkoll id-Direttur tal-Caritas ta’ Zambia.

Waqt li kien qed ikellem lill-ġurnalisti f’Jum il-Midja lokali f’Lusaka, l-Isqof Chinyemba wissa’ mir-riskju kbir tan-nuqqas ta’ ikel kawża ta’ nixfa kbira li laqtet il-pajjiż.

L-inħawi l-aktar milquta huma il-provinċji tal-punent u tan-nofsinhar ta’ Zambia. Dawn iż-żewġ provinċji din is-sena kellhom l-inqas xita mill-1981 ‘l hawn.

Nuqqas ta’ ikel

Skont informazzjoni tal-Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi u s-Segretarjat tas-Salib l-Aħmar ta’ Zambia in-nurmu ta’ familji bil-ġuħ fil-pajjiż żdied minn 1.9 miljuni kif kien f’Marzu li għadda għal 2.3 miljun familja, dan ix-xahar.

Mexxejja tal-Knisja, Organiżazzjonijiet mhux Governattivi u anke membri tal-Korp Diplomatiku qed jappellaw lill-Gvern biex jiddikjara Diżastru Nazzjonali. Iżda għall-kuntrarju, il-Gvern qed jinsisti li s-sitwazzjoni hi taħt kontroll.

Emerġenza

Jekk tkun dikjarata Emerġenza Nazzjonali, tibda tasal fil-pajjiż għajnuna umanitarja internazzjonali.

“Flimkien ma’ xi ambaxxaturi, NGOs u s-soċjetà ċivili, ippruvajna nikkonvinċu lill-Gvern biex jiddikjara emerġenza nazzjonali u jgħarraf lid-dinja li għandna bżonn l-għajnuna, imma sfortunatament minn dan kollu ma sar xejn”, qal l-Isqof Lungu.

“Il-fatti huma fatti: in-nies qed ikollhom ifittxu l-frott fil-foresti għax ma għandhomx x’jieklu. Dan fatt li ma jista’ jaħbih ħadd. Kien ikun aħjar li ngħidu li ngħidu bla tlaqlieq li s-sitwazzjoni hi ferm agħar minn dak li kien maħsub”, żied jgħid l-Isqof filwaqt li esprima t-tama li ma ddumx ma tasal l-għajnuna li l-poplu tant għandu bżonn.