L-Isqfijiet f’Togo jappellaw għal riforma fis-sistema elettorali qabel l-elezzjoni Presidenzjali

Partitarji tal-Oppożizzjoni jieħdu sehem fi protesta li saret f’Lome. (Credit: CNS photo/Reuters.)

L-Isqfijiet Kattoliċi ta’ Togo appellaw biex issir ir-riforma indispensabbli fis-sistema elettorali tal-pajjiż qabel l-elezzjonijiet presidenzjali li mistennija jsiru s-sena d-dieħla.

Sa mill-2017 dan il-pajjiż ilu fi kriżi politika hekk kif il-mexxejja tal-Oppożizzjoni ilhom isejħu għar-riżenja tal-President Faure Gnassingbe qabel l-elezzjonijieta l-2020.

Gnassingbé ilu fil-poter mill-2005, wara l-mewt ta’ missieru Eyadema li mexxa l-pajjiż għal 38 sena wara li kien għamel kolp ta’ stat fl-1967 biex neħħa lit-tieni President li kellu dan il-pajjiż, Nicolas Grunitzky.

Liġi m’għaddietx

F’Settembru tal-2017, l-14 il-partit li jiffurmaw il-koalizzjoni tal-Oppożizzjoni ivvutaw kontra abbozz ta’ liġi propost mill-Gvern biex il-Presidenza tkun limitata għal żewġ termini li ma jkunux retroattivi għax b’hekk Gnassingbe kien ikun jista’ jerġa’ jikkontesta l-elezzjonijiet tal-sena d-dieħla u dawk tal-2025.

L-Oppożizzjoni mbagħad ibojkottjat l-elezzjonijiet għall-Parlament li saru f’Diċembru 2018. L-Isqfijiet tal-pajjiż kienu appellaw biex dawn l-elezzjonijiet ikunu posposti.

Fit-18 ta’ Novembru li għadda l-Konferenza Episkopali, f’messaġġ lin-nazzjon qalet li jekk ma jsirux riformi politiċi sinjifikanti, l-elezzjoni presidenzjali tas-sena d-dieħla tista’ tirriżulta f’ħafna vjolenza.

“Għal darb’oħra nappellaw lill-Gvern biex jagħmel ir-riformi elettorali biex inaddaf is-sistema elettorali qabel l-elezzjonijiet presidenzjali, fl-interess tal-pajjiż kollu”, qalu l-Isqfijiet.

L-Isqfijiet talbu wkoll għal reviżjoni fil-kompożizzjoni tal-Kummissjoni Elettorali u l-Qorti Kostituzzjonali “biex l-indipendenza tagħhom tkun ‘l fuq minn kull suspett”

Talbu wkoll biex ikun rivedut ir-Reġistru Elettorali u biex ikun hemm lista kredibbli ta’ eletturi. Dawn ir-riformi huma kruċjali biex tkun evitata l-vjolenza li soltu tikkaratteriżża l-elezzjonijiet f’dan il-pajjiż Afrikan.

“Għal darb’oħra il-qlub tal-poplu ta’ Togo mhux se jkunu ferħana kif għandhom ikunu fi żmien il-festi tal-aħħar tas-sena” jgħid il-messaġġ tal-Isqfijiet.

Memorji qarsa

“Minflok iħossuhom kburin u entużjasti li se jkollhom ċans jagħżlu liberament lill-President tal-pajjiż, l-elezzjonijiet presidenzjali li ġejjin qed iġġib liċ-ċittadini tagħna memorji qarsa u koroh ta’ xeni ta’ vjolenza u biża’, li sfortunatament dejjem rajna f’dawn it-tip ta’ elezzjonijiet f’pajjiżna”, żiedu jgħidu l-Isqfijiet.

L-Isqfijiet qalu li quddiem dan ix-xenarju ma jistgħux jibqgħu aktar siekta.

“B’fedeltà lejn il-missjoni tagħha li tkun dawl u tama għal dawk li qatgħu qalbhom, il-Knisja ma tistax tibqa’ indifferenti quddiem it-tbatija tan-nies li huma esplojtati, skjavi u mbeżża’ minn dawk li suppost jassiguraw il-ġid tagħhom. Din il-ġlieda hi motivata mill-konvinzjoni li l-fidi hi l-ewwel u qabel kollox impenn lejn dawk li jsofru u joffru t-tbatija tagħhom lil Alla li dejjem jisma’ t-talb ta’ dawk li qed isofru”, isostni l-messaġġ.

Togo hu ex kolonja Franċiża li kiseb l-indipendenza fl-1960. Nofs il-popolazzjoni huma nsara u nofs l-insara huma Kattoliċi.  Il-Konferenza Episkopali hi rispettata ħafna fil-pajjiż.

Hekk kif l-elezzjoni presidenzjali qed toqrob, l-Isqfijiet qed jakkużaw lill-Gvern “li ma għandux ir-rieda politika biex jagħmel ir-riformi meħtieġa”. Huma kkritikaw ukoll lill-Oppożizzjoni li ma għandhiex viżjoni.

L-Isqfijiet appellaw lill-poplu biex ma jaqtax qalbu u jibqa’ jiġġieled għad-demokrazija fil-pajjiż. “Id-demokrazija u s-saltna tal-liġi m’humiex rigali li wieħed jirċievi minn xi ħadd ġeneruż, iżda l-poplu jrid jiġġieled biex jikseb dawn id-drittijiet”.