L-Isqfijiet Franċiżi jsejjħu għal djalogu bejn il-Gvern u d-dimostranti

Franza taqbad: xena regolari f'dawn l-aħħar jiem fit-toroq tal-kapitali Franċiża

Is-soluzzjoni għall-problema bejn il-Gvern Franċiż u dimostranti msejħa “tal-Ġakketta Safra” dwar iż-żjieda fil-prezzijiet taż-żjut, mhux se tinstab bl-użu tal-vjolenza imma billi l-partijiet involuti jaqblu li jpoġġu madwar mejda u jiddiskutu.

Dan hu l-messaġġ mibgħut mill-Isqfijiet Kattoliċi Franċiżi li appellaw għal-laqgħa bejn iż-żewġ partijiet biex isiru nies tad-djalogu u l-paċi.

“Għandna nħallsu t-taxxa lil Ċesri”, intitolaw l-istqarrija tagħhom l-Isqfijiet, bi kwotazzjoni mill-Vanġelu fejn Ġesù kien mistoqsi jekk hux permess li l-Lhud iħallsu t-taxxa lill-Imperatur Ruman li kien pagan. Il-protestanti tal-Ġakketta Safra huma rrabjati bil-proposta tal-Gvern Franċiż li jżid it-taxxi fuq il-petrol u l-fuels.

L-Isqfijiet żiedu jgħidu li filwaqt li mhux se jiddettaw x’għandhom jagħmlu n-nies, ta’ min jinnota, bħan-nies tal-Vanġelu li l-kwestjoni tat-taxxi spiss tkun qed taħbi motivi oħra.

“Mhux se tinstab soluzzjoni jekk din tibqa’ kwestjoni bejn iċ-ċittadini u l-Gvern fejn kulħadd jagħżel xi naħa. Aħna nħeġġu lill-insara ta’ rieda tajba biex jiddjalogaw”, tgħid l-istqarrija.

L-Isqfijiet għamlu riferenza għall-Enċiklika Laudato Si dwar l-ambjent  tal-Papa Franġisku, bħala pont bejn il-Gvern u d-dimostranti u jgħidu li “il-Papa kellu raġun jirrepeti li kollox hu marbut ħaġa m’oħra u jipproponi li jkun hemm ekoloġija integrali b’rispett lejn il-pjaneta u l-iżvilupp uman”.

“Kif jista’ n-nisrani jaħseb f’Alla kreattiv li jagħżel bejn ir-rispett għall-ħolqien u s-solidarjetà bejn il-bnedmin? Madankollu la l-ekoloġija u anqas  is-solidarjetà m’aħna se nsibu fil-konsumeriżmu li qed iħasseb lil kulħadd, lil dawk li jridu jsalvaw, lil dawk li huma mbeżża’ li jitilfu l-poter tal-flus jew li jridu aktar jew dawk li jonfqu bla qies”, jistaqsu l-Isqfijiet Franċiżi.

L-Isqfijiet jittamaw li jirnexxielhom juru liż-żewġ naħat li hemm affarijiet komuni bejniethom u allura hemm spazju għal diskussjoni li twassal għal xi forma ta’ ftehim minflok iżż-żewġ naħat ifittxu r-rebħa fuq xulxin.

L-istqarrija twissi li t-tentazzjoni tal-politiċi li jiffukaw biss fuq l-ekonomija u jħallu barra kollox u lil kulħadd, għandha tkun evitata. Minflok, il-membri kollha tas-soċjetà irridu nieħdu ħsiebhom biex niggarantixxu futur u stabilità politika.

“Il-ħarsien tat-tfal, iż-żgħażagħ, il-morda, dawk li jinsabu f’tarf ħajjithom, li nħobbu u nippreservaw il-familji li nirrikonoxxu lil persuni ġenerużi u dak kollu li jġib il-ferġ fil-ħajja, huma wkoll kisbiet politiċi. Li nieħdu ħsieb l-ekonomija mingħajr fraternità jkun kollu sterili u fil-vojt.”, ittemm l-istqarrija tal-Isqfijiet Franċiżi.