L-Isqfijiet f’Madagascar jappellaw għal elezzjoni paċifika u trasparenti

Post tal-votazzjoni fil-Madagascar

L-Isqfijiet Kattoliċi tal-Madagascar għamlu sejħa għall-“maturita, għaqal u sens ta’ dover” hekk kif il-poplu qed jivvota fl-elezzjonijiet presienzjali li qed isiru f’dan il-pajjiż Afrikan.

Il-votanti ibdew jivvutaw nhar l-Erbgħa li għadda biex jiddeċiedu min se jkun il-President tal-Madagascar.  Iż-żewġ kandidati għall-Presidenza t-tnejn huma ex Presidenti tal-pajjiż. Marc Ravalomanana kien elett President fl-2002 iżda kien tneħħa f’kolp ta’ stat fl-2009 biex postu ħadu l-kontestant l-ieħor f’din l-elezzjoni Andry Rajoelina.

Il-Konferenza Episkopal fi stqarrija appellat għall-għaqal, il-maturità u sens ta’ dover. “Li wieħed imur jivvota hu dmir ta’ kull ċittadin u għalhekk aħna nappellaw lil kulmin jista’ biex jipparteċipa attivament fl-elezzjoni u jagħmel għażla ħielsa skont il-kuxjenza”.

L-Isqfijiet sejħu wkoll lir-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet “biex jagħmlu dak kollu possibbli biex ikun hemm trasparenza u verità fit-tmexxija tal-elezzjonijiet u l-ħruġ tar-riżultat, fl-interess tal-kredibilità u l-paċi.

Liż-żewġ kontestanti nfushom l-Isqfijiet appellawlhom li jimxu bil-kunċett ta’ ħbiberija, rispett reċiproku u għaqda filwaqt li enfasizzaw l-importanza li tinżamm il-kalma waqt il-votazzjoni u kulħadd jaċċetta b’umiltà ir-riżultat elettorali.

L-Isqfijiet tal-Madagascar insistew fuq l-importanza li l-President il-ġdid ikun bniedem li jgħaqqad u jġib ir-rikonċiljazzjoni, persuna li jkun mexxej tal-poplu kollu tal-pajjiż.

Jingħad li madwar 20,000 persuna mill-Armata u l-Forzi tas-Sigurtà intbagħtu madwar il-pajjiż kollu biex jassiguraw li l-elezzjonijiet isiru bil-kalma u s-sigurtà. Ir-riżultat tal-Elezzjoni Presidenzjali mistenni jkun magħruf qabel tmiem is-sena.