L-Isqfijiet fl-Ekwador jikkundannaw il-qtil ta’ 2 ġurnalisti

L-Isqfijiet fl-Ekwador qed jappellaw għall-kalma u l-paċi wara l-ħtif u l-qtil ta’żewġ ġurnalisti u s-sewwieq tagħhom, minn dissidenti armati hekk kif qasmu l-fruntiera mal-Kolombja.
Stqarrija mill-Konferenza Episkopali tal-Ekwador appellat biex tieqaf il-vjolenza u l-inġustizzji mwettqa minn gruppi politiċi u soċjali armati, wara l-qtil vjolenti taż-żewġ ġurnalisti u persuna oħra li marru fuq il-fruntiera biex jinvestigaw il-vjolenza ħarxa kkaġunata mit-traffikar tad-droga.
Il-qtil tal-ġurnalisti Javier Ortega u l-fotografu Paul Rivas u s-sewwieq tagħhom Efrain Segarra, kienu kkonfermati mill-President tal-pajjiż, Lenin Moreno.
Dawn it-tlieta li kienu jaħdmu mal-gazzetta “El Comercio” nħatfu minn dissidenti tal-Forzi Armati Rivoluzzjonarji tal-Kolombja, wara li għaddew minn ‘checkpoint’ militari fil-provinċja ta’ Esmeraldas fit-tramuntna tal-Ekwador fil-fruntiera man-nofsinhar tal-Kolombja.
L-Isqfijiet tal-Ekwador appellaw għal talb mill-qalb “biex ħutna jistrieħu fis-sliem” u esprimew is-solidarjetà mal-familji li sofrew ħsara irreparabbli u solidarjetà mal-ġurnalisti kollha "li jirriskjaw ħajjithom biex jagħtuna l-verità tal-fatti”.
Huma appellaw lill-Gvernijiet tal-Ekwador u l-Kolombja jaħdmu flimkien biex ikun hemm kundizzjonijiet aktar dinjitużi u fraterni fejn in-nies jistgħu jgħixu fil-kwiet, partikolarment fuq il-fruntiera, u biex jiżviluppaw politika soċjali u joħolqu opportunitajiet ta’ xogħol  filwaqt li jsaħħu s-sistemi tas-sigurtà fir-reġjun.
L-istqarrija tħeġġeġ lill-gruppi armati “biex iwarrbu l-użu tal-armi biex jintgħelbu l-inġustizzji u jidħlu fi djalougu biex tinbena demokrazija ġenwina ħielsa minn kull forma ta’ korruzzjoni u vjolenza”.
Dawk li jagħmlu l-flus minn attivitajiet inumani huma mħeġġa ma jaqgħux għal interessi ekonomiċi ġejjin mit-traffikar tal-persuni u l-produzzjoni u t-traffikar ta’ armi u ta’sustanzi tossiċi, appellaw l-Isqfijiet.
Fil-messaġġ tagħhom l-Isqfijiet tal-Ekwador ġeddew l-impenn sħiħ tagħhom li jkomplu jaħdmu għal soċjetà aktar ġusta u paċifika għax huma konxji mis-sitwazzjoni ta’ tħassib fil-pajjiż, inkluż id-djufija tal-istrutturi istituzzjonali, il-kriżi ekonomika u l-korruzzjoni kbira li hemm fil-pajjiż.