L-Isqfijiet fl-Awstralja jappellaw għal politika li tippromwovi l-paċi u l-ġid komuni

Il-qoxra tal-Appell tal-Isqfijiet Awstraljani qabel l-elezzjonijiet federali fil-pajjiż

L-Isqfijiet Kattoliċi fl-Awstralja qed jappellaw biex tul il-kampanja elettorali jintwera rispett u tollernaza filwaqt li fakkru lill-Awstraljani li lkoll għandha sehem x’jagħtu fil-ġlieda kontra t-“tribaliżmu pur” u biex jassiguraw li jkun hemm dibattitu pubbliku paċifiku.

Dan l-appell sar fi stqarrija intitolata “Il-Politika fis-Servizz tal-Paċi li l-Konferenza Episkopali ħarġet nhar il-Ħadd li għadda. It-titolu tal-istqarrija hu meħud minn kwotazzjoni tal-Papa Franġisku li ftit ilu appella għal “Politia Tajba għas-servizz tal-paċi”.

L-Istqarrija tal-Isqfijiet issemmi prinċipji importanti tad-Dutrina Soċjali tal-Knisja li wieħed għandu jqis qabel imur jivvota. “Il-kampanji elettorali jistgħu jġibu l-firda, se jkun hemm dikjarazzjonijiet favur u kontra u l-emozzjonijiet u t-temperatura jogħlew” tgħid l-istqarrija.

Elezzjonijiet paċifiċi

“Iżda minkejja d-dibattiti diffiċli li kultant jistgħu jkunu wkoll ostili, l-Awstralja dejjem kellha kompetizzjonijiet elettorali paċifiċi u ħielsa minn vjolenza fiżika li jkun hemm f’pajjiżi oħra”. L-Isqfijiet żiedu jgħidu li l-poplu “għandu responsabbiltà li jippreżenta l-veduti tiegħu b’mod ċar u jekk hemm bżonn ma jaqbilx, imma l-veduti kollha jridu jkunu rispettati”.

“Ilkoll kemm aħna fid-dmir li naħdmu għall-paċi – jiġifieri rridu nitkellmu ma’ ħutna l-Awstraljani b’imħabba u mhux b’mibegħda, b’rispett mhux tmaqdir, billi nifhmu lil xulxin u mhux nuru indifferenza. Ilkoll hemm bżonn ninfetħu aktar, nuru interess u nieħdu sehem biex niġġieldu “t-tribaliżmu pur” li bħalissa qed imarrad l-Awstralja u pajjiżi oħra”, qalu l-Isqfijiet.

L-istqarrija tinkludi wkoll talba biex il-Kattoliċi jgħidu bi tħejjija għall-elezzjonijiet tat-18 ta’ Mejju u titkellem ukoll dwar l-importanza tat-talb u d-dixxerniment f’kuntest elettorali.

“Il-proċess demokariku imneżża’ mill-verità, hemm ir-riskju li jispiċċa bla ruħ, bil-maġġoranzi jagħmlu deċiżjonijiet skont is-saħħa tagħhom u mhux fuq il-kunsiderazzjoni għall-verità u l-ġid komuni.  Uħud jaraw l-idea tal-ġid komuni bħala xi ħaġa frivola meta fil-fatt dan għandu importanza kritika għax iġiegħlna nħarsu ‘l hinn mill-ħtiġijiet tagħna personali u nikkunisdraw l-interessi tal-komunità kollha”, sostnew l-Isqfijiet Awstraljani.

Għajnuna lill-anzjani u trabi mhux mitwielda

Fost il-kwestjonijiet li jsemmu l-Isqfijiet fl-istqarrija tagħhom hemm il-ġustizzja ekonomika, l-għajnuna lil min hu vulnerabbli u emarġinat – fosthom l-anzjani u t-trabi mhux mitwielda – trattament ġust għal min qed ifittex ażil, azzjoni dwar it-tibdil fil-klima u t-trattament differenzjat inaċettabbli bejn l-Awstraljani indiġeni u dawk m’humiex fl-oqsma tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-impjiegi. Din il-problema tal-aħħar “hi ferita kerha fil-qalb tan-nazzjon”, sostnew l-Isqfijiet.