L-Isqfijiet fl-Arġentina kontra impjanti ta’ enerġija nukleari

Filwaqt li l-President Arġentin, Mauricio Macri ħabbar li pajjiżu se jibni żewġ impjanti nukleari oħra li bejniethom se jiswew 14-il biljun dollaru li 85% minnhom se jitħallsu miċ-Ċina, l-Isqof Emeritus Virginio Bressanelli, l-ogħla awtorita' kattolika fil-Patagonia, qal li huma kontra li tinbena power station nukleari fir-Rio Negro.

L-Isqfijiet Arġentini qalu li llum ma jeżistux il-kundizzjonijiet biex dan il-proġett jitmexxa 'l quddiem u għalkemm jirrikoxxu l-bżonn li l-pajjiż iżid il-produzzjoni tal-enerġija elettrika u l-opportunitajiet ta' xogħol li dan il-proġett joħloq, dan għandu jsir b'forom oħra ta' enerġija u mhux dik nukleari li toħloq gassijiet li jagħmlu ħsara kbira lill-klima.

Huma wissew li impjant nukleari joħloq skart perikoluż li jibqa' radjuattiv għal żmien twil bi prezz għoli ħafna u f'każ ta' inċident il-ħsara tkun irreparabbli.

Flimkien mal-Knisja anke moviment soċjali qed juru diżapprovazzjoni għal dan il-proġett. Barra minn hekk hemm problema serju ieħor.

Iċ-Ċiniżi għamlu kundizzjoni u qed jheddu li jabbandunaw il-proġett u l-investiment li se jagħmlu fil-pajjiż jekk il-pjani għall-bini ta' dawn l-impjanti nukleari ma jindix fi żmien qasir. Bħalissa l-pjani għal dan il-bini huma wieqfa u qed jistennew deċiżjoni tal-Qorti Suprema tal-pajjiż.

Min-naħa tiegħu l-Gvern Arġentin qed jipprova jtejjeb ir-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi maċ-Ċina. L-Arġentina tipproduċi ikel għal 400 miljun persuna fis-sena u qed tittama li bit-titjieb fir-relazzjonijiet maċ-Ċina tkun tista' tesporta aktar prodotti lejn iċ-Ċina filwaqt li tiġbed investiment Ċiniż lejha fil-bini ta' toroq, pontijiet, portijiet, ajruporti u fil-qasam tal-enerġija.