L-Isqfijiet fl-Arġentina jiddiskutu l-faqar u d-droga

Il-kċejjen tas-soppa organizzati mill-Knisja qed jgħinu jtaffu xi ftit il-faqar u l-guħ

Il-vizzju tad-droga u l-kriżijiet soċjali interminabbli kienu diskussi l-ġimgħa li għaddiet fl-uffiċċji tal-Konferenza Episkopali tal-Arġentina bejn żewġ Isqfijiet u żewġ Ministri tal-Gvern responsabbli għal dawn l-oqsma.

Skont informazzjoni mibgħuta lill-aġenzija tal-aħhbarijjiet FIDES, l-Isqof ta’ Lomas de Zamora,  Mons. Jorge Lugones li hu wkoll president tal-Kummissjoni Pastorali tal-Isqfijiet u l-Isqof Fernando Mattei, l-ewwel iltaqgħu mal-Kap tal-Front Nazzjonali fejn id-diskussjoni kienet konċentrata dwar il-vizzju tad-droga u l-inizjattivi tal-Gvern biex jindirizza din il-problema serja fost iż-żgħażagħ Arġentini.

It-tieni laqgħa kienet mal-Ministru tal-Iżvilupp Soċjali fejn iddiskutew is-sitwazzjoni diffiċli fil-pajjiż. Kienu trattati talbiet li saru minn diversi movimenti soċjali biex ikunu eżaminati d-diversi talbiet biex jitwaqqfu dawk imsejħa “Kċejjen tas-Soppa” biex jipprovdu ikel lit-tfal tal-pajjiż.  Il-Gvern jidher li se joħroġ kupuni u benefiċċji oħra lill-fqar in vista tal-festi tal-Milied.

Permezz ta’ dawn il-laqgħat, il-Knisja Kattolika fl-Arġentina qed iżżomm il-wegħdi li għamlet li tindirizza d-diffikultajiet ta’ dawk l-aktar vulnerabbli, speċjalment fid-dawl tal-kriżijiet urġenti tad-droga u n-nuqqas ta’ ikel.

Dwar il-problema tad-droga l-Knisja qed taħdem fuq diversi fronti biex tiġġieled din il-pjaga li qed teqred ħafna familji filwaqt li dwar il-faqar qed tinvolvi direttament lill-Gvern biex jaħdmu flimkien f’pajjiż li jiftaħar li jesporta diversi prodotti tal-ikel fejn allura diffiċli tiġġustifika n-nuqqas ta’ ikel fost it-tfal u persuni vulnerabbli u n-nuqqas ta’   kura lill-fqar u anzjani.  L-Isqfijiet urew it-tħassib serju tagħhom u mpenjaw ruħhom li permezz tal-Caritas jgħinu nies li qed jgħixu f’faqar kbir.

Skont rapport riċenti maħruġ mill-Università Kattolika Arġentina, fil-pajjiż hemm almenu 13.5 miljun persuna foqra li hu 31.4% tal-popolazzjoni ta’ 43 miljun ruħ. F’nofs Settembru li għadda il-kapitali Buenos Aires kienet paralizzata b’dimostrazzjonijiet minn eluf ta’ nies fit-toroq jitolbu lill-Gvern biex iwaqqaf iż-żjieda fil-prezzijiet ta’ prodotti essenzjali.

F’dawn il-jiem fl-Arġentina saret il-laqgħa tal-G20 bejn l-aktar pajjiżi għonja fid-dinja. “Iżda l-poplu ma jinteressaħx mill-G20. Il-poplu jinteressaħ li jkun jista’ jara l-ikel fuq il-mejda illum u għada”.  Il-paradoss hu li fil-laqgħa tal-G20 l-mexxejja ta’ dawn il-pajjiżi enfasizzaw il-ħtieġa li “jaħtfu l-opportunità tal-potenzjal ekonomiku tal-Amerika Latina u l-Karibew biex nimxu lejn l-eliminazzjoni tal-faqar”.