L-Isqfijiet fir-Renju Unit jiddefendu t-tagħlim tal-Knisja dwar l-Abort

Fl-okkażżjoni tal-50 anniversarju minn meta kien legalizzat l-abort fl-Ingilterra, l-Isqfijiet tal-Ingilterra, Wales u l-Iskozja ħarġu stqarrija konġunta – li hi ħaġa rari – li fiha qed jiddefendu t-tagħlim tal-Knsija dwar l-abort.
Huma ddeskrivew kull abort bħala “traġedja” u lmentaw mill-200,000 ħajja li tneħħew matul l-2015 b’dan il-mod. 
"Is-soċjetà teħtieġ tifhem mil-ġdid il-valur intrinsiku tal-ħajja umana u għandha bżonn ukoll edukazzjoni fir-responsabbiltà morali dwar is-sesswalita umana u xi tfisser l-espressjoni sesswali fiż-żwieġ”, qalu dawn.
L-Isqfijiet ikkritikaw ukoll il-fatt li f’każ ta’ diżabilità, fl-Ingilterra l-abort jista’ jsir sat-twelid u dan b’kuntrast qawwi mal-protezzjoni li persuni b’diżabilità jingħataw wara li jitwieldu.
“Ix-xhieda ta’ dawk li jikkompetu fl-Olimpijadi tal-Parapleġiċi juri biċ-ċar kif persuni b’diżabilità jikkompetu u jiksbu suċċessi billi jużaw il-ħiliet tagħhom kollha”, qalu l-Isqfijiet.
Minkejja dan, l-Isqfijiet qalu li mara li tagħmel abort xorta tista’ titlob maħfra. “Il-kundizzjonijiet komplessi li fihom mara tista’ toħroġ tqila u tikkunsidra l-abort jistgħu jillimitawha fl-eżeċizzju tal-libertà tagħha u jnaqqsu l-ħtija morali tagħha”.
“Meta mara tagħżel li tagħmel abort, il-ħniena t’Alla u l-maħfra permezz tas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni huma dejjem hemm. Dejjem hemm triq għal relazzjoni profonda m’Alla u mal-Knisja li tista’ tfejjaq u ġġib il-paċi, kif enfasizzaw l-aħħar Papiet”.
“Il-50 anniversarju mill-introduzzjoni tal-liġi għandu jwassal għal dibattitu li jibdel l-attitudni lejn il-ħajja fil-ġuf biex nifhmu xi jfisser li tagħmel għażliet tajba li jipproteġu l-ommijiet u t-fal. 
Bħala Kattoliċi nħeġġu biex fil-pajjiżi tagħna jkun hawn talb għall-protezzjoni tal-ħajja umana, partikolarment għall-ħajja fil-ġuf u talb għan-nies li qed jistennew tarbija, il-missirijiet u l-familji”, temmew jitolbu l-Isqfijiet.