L-Isqfijiet fin-Niġerja jwissu lis-saċerdoti biex ma jidħlux f’politika partiġġjana

Fl-eqqel tal-kampanja elettorali fin-Niġerja

L-Isqfijiet Niġerjani taw struzzjonijiet lis-saċerdoti u persuni konsagrati biex ma jindaħlux fil-politika partiġġjana jew jappoġġjaw pubblikament lil xi politikant jew partit politiku għax dan imur kontra t-tagħlim tal-Knisja u l-Liġi Kanonika.

Din id-direttiva ngħatat dan l-aħħar minn Fr Ralph Madu, Segretarju Ġenerali tas-Segretarjat Kattoliku tan-Niġerja, li kellem dwarha wkoll lill-media tal-pajjiż, f’isem il-Konerenza Episkopali.

Din il-pożizzjoni tal-Isqfijiet ngħatat wara li kien hemm tilwima pubblika bejn qassis kattoliku li hu d-Direttur Spiritwali tal-Ministeru tal-Adorazzjoni fid-djoċesi ta’ Enugu u l kandidat tal-Partit Demokratiku tal-Poplu għall-Viċi Presidenza tal-pajjiż.

Waqt attività għall-ġbir ta’ fondi, l-qassis issuġġerixxa li l-kandidat presidenzjali Atiku Abubakar ma jirbħux l-elezzjoni jekk ma jagħmilx donazzjoni għall-proġett li qed jaħdem fuqu. Fin-Niġerja hi drawwa li f’attivitajiet simili bħal ġbir ta’ fondi, il-politiċi jħabbru pubblikament il-kontribuzzjoni tagħhom għal proġetti tal-Knisja.

L-Isqfijiet issa taw linji gwida lill-qassisin u ħaddiema pastorali minħabba l-elezzjonijiet li se jsiru fin-Niġerja s-sena d-dieħla. Is-Segretarju Ġenerali ddikjara li l-Knisja Kattolika timxi fuq id-direttivi tal-Knisja Universali u allura trid tkun newtrali u ma tagħti ebda appoġġ u ma jkollha ebda relazzjoni speċjali ma’ xi politikant jew partit politiku fil-pajjiż.

Fr. Madu  qal li l-Knisja tawgura li l-elezzjoni tal-2019 mhux biss tkun waħda ħielsa u ġusta li tkun ħielsa wkoll mill-vjolenza u l-mibegħda.

Wara dawn id-direttivi, Fr. Mbaka, id-Direttur Spiritwali, għamel apoloġija pubblika lill-kandidat għall-Viċi Presidenza u qal li minn issa ‘l quddiem se “jikkonċentra fuq Kristu li aħna naduraw”. Dan is-saċerdot spiss ikun imfittex mill-politiċi Niġerjani għax hemm numru kbir ta’ nies li jsegwuh u jattendu għall-attivitajiet li jorganizza.