L-Isqfijiet fil-Venezuela jissuġġerixxu d-diżubbidjenza ċivili

L-Isqfijiet Kattoliċi fil-Venezuela kkundannaw bl-aktar mod qawwi l-pass moralment inaċettabbli tal-Gvern tal-pajjiż li jabolixxi l-Parlament u tkellmu apertament li għandu jkun hemm reżistenza kontra l-Gvern tal-pajjiż anke permezz ta’ diżubbidjenza ċivili.
Il-ġimgħa li għaddiet il-Qorti Suprema tal-Venezuela li hi konfoffa mal-Gvern ta’ Nicolas Maduro,  abolit l-Assemblea Nazzjonali li fil-maġġoranza tagħha hi komposta minn membri tal-Oppożizzjoni. Din kienet l-aħħar f’sensiela ta’ azzjonijiet li ħa l-Gvern biex jipprova jikkonsolida l-poter tiegħu f’mument meta l-pajjiż jinsab fi kriżi nazzjonali.
Fi stqarrija li ħarġu l-isqfijiet qalu li “ma nistgħux nibqgħu passivi u mbeżża’. Wasal iż-żmien li bis-serjeta’ u b’mod responsabbli nistaqsu lilna nfusna jekk id-disubidjenza ċivili, dimostrazzjonijiet paċifiċi, appelli nazzjonali u internazzjonali humiex miżuri validi u opportuni”.
Saħansitra, l-Arċisqof Diego Patron li hu l-President tal-Konferenza Episkopali Venezuelana wasal biex qal li “fil-Knisja tal-Venezuela illum ma hemmx spiritwalita’ awtentika jekk ma nagħmlux reżistenza lil min hu fil-poter”.
Il-Vatikan kien qabel li jidħol medjatur bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni fil-pajjiż iżda  rtira wara li l-Gvern ta’ Maduro ma onorax wegħdi li kien għamel biex iservu bħala bażi għall-medjazzjoni.
Il-Venezuela hi l-ħdax l-akbar produttur taż-żejt fid-dinja.  Minkejja dan il-ġid il-pajjiż jinsab f’kollass ekonomiku kbir u fi kriżi politika u soċjali tort tal-korruzzjoni, l-abbuż tal-poter u inflazzjoni qawwija. Fil-pajjiż bħalissa nuqqas kbir ta’ ikel, mediċini u prodotti bażiċi oħra.  L-iskarsezza kbir ta’ dqiq wasslet ukoll biex ikun hemm nuqqas ta’ ostji għall-quddies tal-Kattoliċi.
Dan wassal biex il-Knisja Kattolika tkun aktar kritika għar-reġim ta’ Maduro u titkellem kontinwament dwar iż-żieda qawwija fil-kriminalita’ u l-kuntrabandu.
Sostenituri tar-reġim irritaljaw billi attakkaw lill-isqfijiet u s-saċerdoti u anke fixklu diversi quddisiet.