L-Isqfijiet fil-Venezwela jikkundannaw massakru mwettaq mill-Pulizija u s-suldati

Il-Konferenza Episkopali tal-Venezwela ddeskriviet azzjoni mwettqa mill-Pulizija nhar il-15 ta’ Jannar bħala “massakru” li fih disa’ persuni nqatlu, fosthom eksuffiċjali tal-Pulizija li rribella kontra l-Gvern ta’ Nicholas Maduro.
L-isqfijiet, fi stqarrija kkundannaw il-massakru orribbli u l-qtil ta’ persuni mill-forzi militari.
“Dawn l-atti huma ksur u nuqqas ta’ rispett għad-dinjità u d-drittijiet umani u huma ta’ tħassib għal ħafna nies”, qalu l-isqfijiet filwaqt li talbu lill-awtoritajiet biex jinvestigaw dan il-massakru.
L-isqfijiet Venezwelani ilmentaw li ma kienx hemm soluzzjoni paċifika għall-kunflitt, u minflok intużat il-vjolenza, saru proċessi mingħajr anqas biss kien hemm prosekuturi u intużaw gruppi ċivili armati li sabu lill-Gvern jiddefendihom.
Huma talbu lill-Prosekutur Pubbliku biex jassigura li l-katavri tal-maqtula jingħataw lill-familjari għax sa 72 siegħa wara l-massakkru dan kien għadu ma seħħx. Qalu li l-katavri m'għandhomx ikunu kkremati biex ma ssirx awtopsja fuqhom biex tkun stabbilita l-kawża tal-mewt tagħhom.
L-uffiċjal tal-Pulizija maqtul, Oscar Perez, kien ħadha kontra l-President Maduro f’Ġunju li għadda meta dan kien għadda minn fuq il-kapitali Caracas b’helicopter u ordna li jkunu bbumbardjati żewġ uffiċċji pubbliċi bla ma kienu kkawżati mwiet.
Dak il-ħin, studenti universitarji kienu qed jipprotesaw fit-triq u f’dawk id-dimostrazzjonijiet kien hemm min inqatel jew safa ferut.
Minn dak iż-żmien 'l hawn, bil-moħbi Perez irrekordja numru ta’ filmati li fihom kien hemm appelli biex il-poplu jqum kontra l-President.
Ix-xahar li għadda, flimkien man-nies tiegħu daħal bil-forza f’bażi militari fejn insterqu armi u kkritika bl-aħrax lis-suldati leali lejn Maduro. Qabel inqatel, Perez li kellu 36 sena xandar diversi filmati fuq il-midja soċjali bil-ħsieb li jsalva l-ħajja ta’ ħafna persuni innoċenti.
Għalkemm fil-bidu ta’ din il-ġimgħa l-Qorti Suprema tal-pajjiż maħtura mill-Assemblea Nazzjonali kkundannat l-azzjoni tal-pulizija u l-militar, l-aħbar li kien inqatel Oscar Perez wasslet għal ħafna konfużjoni fost il-poplu u sens ta’ rimors u dispjaċir.
Amnesty International ikkundannat dak li seħħ u flimkien ma' għaqdiet oħra favur id-drittijiet tal-bniedem, talbet lill-Gvern ta’ Maduro biex jagħti spjegazzjoni.