L-Isqfijiet fil-Peru jħeġġu lill-poplu biex “Jilqa’ lil Kristu fir-refuġjati”

Posters użati għal Jum ir-Refuġjati fil-Peru

“Ir-Refuġjati huma nies li jaħarbu mill-ġlied u l-persekuzzjoni u huma protetti mil-liġijiet internazzjonali minħabba li huma nies vulnerabbli u m’għandhomx ikun mkeċċija jew ritornati lejn sitwazzjonijiet fejn ħajjithom u l-libertà tagħhom ikunu f’riskju.”

Din id-dikjarazzjoni tinsab fil-messaġġ tal-Konferenza Episkopali tal-Peru għal Jum ir-Refuġjati, li għandu t-tema “Nilqgħu lil Kristu fir-Refuġjati”. Fih hemm riferenza għal dak li qal il-Kummissarju tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati, li hemm 25.4 miljun refuġjat fid-dinja u 3.1 miljun oħra li qed jitolbu li jitqiesu bħala refuġjati wkoll.

Status ta’ Refuġjati

Fil-messaġġ tagħhom l-Isqfijiet ippreżentaw ir-realtà fil-Peru: “Pajjiżna, għal ħafna snin ipproteġa lil dawn in-nies u ggarantilhom status ta’ refuġjati. Bħalissa għandna refuġjati minn diversi nazzjonalistajiet fosthom mill-Venezuela, Cuba, Colombia, Palestina, Sirja, Bengal, Sri Lanka u diversi pajjiżi Afrikani.

“Nies li għandhom bżonn il-kenn huma esposti għal diversi sitwazzjonijiet ta’ aggressjoni, traffikar ta’ emigranti, frodi u ksur ieħor tad-drittijiet umani. Għalhekk, il-Knisja Kattolika fil-Peru, quddiem din l-isfida, tagħti attenzjoni partikolari biex tgħin u tipproteġi lil dawn in-nies.

“Minkejja li f’Diċembru 2018, in-Nazzjonijiet Uniti adottat “Il-Patt Globali għar-Refuġjati” biex issaħħaħ il-kooperazzjoni u s-solidarjetà mar-refuġjati u l-pajjiżi li jilqugħhom, għad fadal ħafna xi jsir favur ir-refuġjati, quddiem din l-indifferenza globalizzata,” qalet il-Konferenza Episkopali tal-Peru.

Għalhekk, l-Isqfijiet, fuq il-passi ta’ Kristu, stiednu biex issir azzjoni konkreta favur dawk li jsibu ruħhom f’dawn is-sitwazzjonijiet ta’ vulnerabilità billi nwettqu dak li qal il-Papa Franġisku għall-ħidma pastorali favur ir-refuġjati: milqgħu, nipproteġu, ngħinu u nintegraw.

Kultura tal-Laqgħa

Fil-Jum Dinji tar-Refuġjati, il-Konferenza Episkopali tal-Peru, ħeġġet lid-diversi stati fir-reġjun biex isaġġu l-mekkaniżmi ta’ aċċess u jadottaw definizjoni tajba dwar min hu refuġjat. Fl-istess waqt appellaw lis-soċjetà Peruvjana biex ma tinġarrx mix-xenofobija, diskriminazzjoni u biża’ u minflok tibni “kultura ta’ laqgħa” u tilqa’ lil dawn in-nies.

Il-messaġġ kien iffirmat mill-President tal-Konferenza Episkopali, l-Isqof Miguel Cabrejos uminn Mons. Daniel Turley responsabbli mill-kura pastorali tal-mobilità umana.