L-Isqfijiet fil-Messiku jaffermaw l-impenn tagħhom għall-paċi

Il-balal sparati fil-Knisja li b'wieħed minnhom inqatel il-katekista

Katekista nqatel waqt li kien qed jitlob f’kappella fl-istat ta’ Chiapas fil-Messiku. Eżempju ieħor ta’ kif il-vjolenza fil-Messiku qed tolqot lill-Knisja Kattolika.

L-Isqof tad-djoċesi, Mons. Jaime Calderon, f’messaġġ li bagħat lill-aġenzija tal-aħbarijiet FIDES spjega kif seħħ dan il-qtil.

“Nhar il-Ħadd li għadda, wara li ntemm kors ta’ taħriġ għall-katekisti fil-Knisja tal-Immakulata Kunċizzjoni, daħlu żewġ żgħażagħ fil-knisja u bdew jisparaw. Wieħed mit-tiri laqgħat lil Margeli Lang Antonio, katekista, li miet mill-ewwel. Aħna qrib il-familja tiegħu. Bħala djoċesi ma nistgħux naċċettaw din il-vjolenza li turi kemm il-komunità umana waqgħet fil-baxx kemm moralment kif ukoll soċjalment”.

Appell lill-Awtoritajiet

L-Isqof appella lill-awtoritajiet tal-pajjiż biex jagħmlu l-istħarriġ kollu meħtieġ u jsib lil min kien responsabbli għal dan il-qtil kemm jista’ jkun malajr.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet dakinhar stess wara nofsinhar, l-Isqof enfasizza li “dan it-tkissir soċjali hu frott tan-nuqqas  ta’ saħħa integrali fil-komunitajiet. Fejn ma hemmx xogħol, fejn hemm l-inġustizzji, fejn hemm l-impunità, meta n-nies għandhom kilba eċċessiva għall-flus, meta l-ħajja tan-nies ikollha prezz, fejn kollox għandu prezz u min għandu l-flus jikkmanda, ikun hemm vojt tal-awtoritajiet u ta’ poter.”

L-għada tal-qtil il-Konferenza Episkopali tal-Messiku kellha laqgħa mal-President tal-pajjiż, Andres Manuel Lopez Obrador, biex jinbeda djalogu bir-rieda għal kollaborazzjoni fil-bini ta’ soċjetà aktar ġusta.  Fil-laqgħa l-Isqfijiet tkellmu dwar żewħ temi importanti: l-emigrazzjoni u l-bini tal-paċi.

Il-Knisja toffri r-riżorsi tagħha

Dwar l-emerġenza tal-emigrazzjoni, “Il-Knisja tkompli toffri r-riżorsi tagħha li jikkonsistu f’95 djoċesi, 10,000 parroċċi, 130 lukanda u eluf ta’ ħaddiema pastorali mferrxa mal-pajjiż kollu li qed iwettqu missjoni umanitarja b’difiża tad-drittijiet umani.” Il-konferenza Episkopali nsistiet fuq il-ħtieġa ta’ kollaborazzjoni akbar biex tkun garantita s-sigurtà tal-emigranti.

Dwar il-paċi, l-Isqfijiet insistew li lesti jagħtu l-kontribut tagħhom biex tinbena mill-ġdid il-fibra soċjali tal-pajjiż u tissaħħaħ is-Saltna tad-Dritt permezz ta’ Pjan għall-Paċi.  Dan il-pjan jinkludi t-twaqqif ta’ ċentri għad-difiża tad-drittijiet umani, akkumpanjament għall-vittmi u workshops għal edukazzjoni dwar il-paċi. “It-tabtija ta’ tant familji Messikani minħabba l-vjolenza u n-nuqqas ta’ sigurtà, jitolbu għal kollaborazzjoni sħiħa tagħna”, qalu l-Isqfijiet fl-istqarrija tagħhom.

L-isqfijiet temmew l-istqarrija tagħhom billi qalu li fil-laqgħa mal-President tkellmu dwar suġġetti oħra u sostnew li l-Knisja se twettaq il-missjoni tagħha billi tipparteċipa fit-tfittxija tal-ġid komuni, permezz ta’ “sekulariżmu pożittiv fejn l-ieżerċ1izzju sħiħ tal-libertà reliġjuża jkompli jsaħħaħ id-demokrazija”.