L-Isqfijiet fil-Kongo jwaħħlu fil-politiċi għall-falliment fil-medjazzjoni

Tliet ġimgħat wara li l-Knisja Kattolika waqqfet il-medjazzjoni li kienet qed tagħmel fil-kunflitt fil-Kongo, l-Isqfijiet Kattoliċi qed iwaħħlu fil-politiċi għal dan l-istaġnar. Sadattant l-attakki fuq il-Kleru u bini tal-Knisja qed iqajjmu diskussjoni jekk il-Knisja resqitx qrib wisq tal-politika f’dan il-pajjiż li hu meqjus bħala wieħed mill-aktar kattoliċi fl-Afika.
“Il-missjoni li daħlu għaliha l-Isqfijiet tqieset minn ħafna bħala attentat biex titneħħa l-attenzjoni fuq kwestjonijiet jaħarqu”, skont Mons Jean-Marie Bomengola, Segretarju tal-Kummissjoni għall-Komunikazzjoni Soċjali tal-Knisja.  “Il-falliment tan-negozjati hu tort tal-politiċi u l-imsieħba soċjali li ma urew ebda spirtu ta’ kompromess.  Huma għandhom jispjegaw u jerfgħu r-responsabbilta’”.
Il-Kattoliċi f’sitt arċidjoċesijiet u 41 djoċesi ilaħqu għal żewġ terzi tal-popolazzjoni tal-Kongo li hi ta’ 67.5 miljun persuna.  Fil-pajjiż il-Knisja Kattolika tmexxi numru ta’ sptarijiet, kliniċi, kważi nofs l-iskejjel kollha tal-pajjiż u anke xi rziezet kbar.
Mill-1960 ‘l hawn minn meta ħa l-indipendenza minn Franza, il-pajjiż li qabel kien magħruf bħala Zaire, ftit li xejn kellu stabilita u hu maħsub li madwar 6 miljun persuna mietu fi gwerrer miġġielda bejn l-1995 u l-2003.  Il-gwerrer saru dwar ir-riżorsi naturali sinjuri li għandu l-pajjiż.
Is-Sajf li għadda l-isqfijiet kattoliċi bdew medjazzjoni wara li l-Oppożizzjoni fil-pajjiż akkużaw lill-President JosephKabila li ried jibqa’ ggranfat mal-poter billi jipposponi l-elezzjonijiet li suppost isiru fil-Ħarifa li ġejja.
Kien intlaħaq ftehim li l-President li għad għandu 45 sena jibqa’ fil-poter sal-elezzjonijiet lejn tmiem din is-sena, filwaqt li jkun hemm Gvern immexxi minn Prim Ministru nominat mill-Oppożizzjoni u Kunsill Nazzjonali Tranżitorju biex jimmonitorja l-proċess elettorali.  L-Isqfijiet kien wissew li jekk dan il-ftehim ma jinżammx fil-pajjiż ikun hemm diżrdni inkontrolabbli.
Iżda meta ġie ż-żmien biex dan il-ftehim ikun implimentat inqalgħu intoppi bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni dwar id-dati tal-elezzjonijiet u dwar it-tqassim tal-ministeri fil-gvern proviżorju. Kien hawn li l-Knisja waqqfet il-medjazzjoni tagħha għax sostniet li l-politiċi ma kienux qed ipoġġu l-ġid tal-poplu qabel kull kunsiderazzjoni oħra.