L-Isqfijiet fil-Kongo jsejħu għall-elezzjoni ġenerali

L-Isqfijiet Kattoliċi fil-Kongo qed jakkużaw lill-Gvern tal-pajjiż li qed joħnoq il-libertajiet ċivili u talbu biex ikun hemm elezzjoni ġenerali ħielsa skont kif stipulat fil-Ftehim tal-Ewwel tas-Sena li kien intlaħaq bil-ħidma tal-Knisja.
“Is-sitwazzjoni miżerabbli li qed ngħixu fiha tirrifletti l-kriżi ekonomika li qed tkompli tippersisti u li ġejja mill-fatt li ma sarux elezzjonijiet ġenerali. Għalkemm il-Kostituzzjoni tal-pajjiż lil kull ċittadin id-dritt li jgawdi l-libertajiet tiegħu, qed naraw restrizzjonijiet kbar fuq il- liberta’ tal-espressjoni, ċaħda li jsiru dimostrazzjonijiet paċifiċi u użu eċċessiv ta’ forza mill-pulizija u s-suldati”, sostnew l-Isqfijiet.
Huma qalu li jħossuhom allarmati ħafna bid-deterjorament tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u umanitarji kif ukoll bil-korruzzjoni rampanti u abbużi fiskali.
Sadattant 60 parroċċa kienu profanati u kellhom jagħlqu minħabba l-vjolenza li hemm fil-pajjiż u magħhom kienu attakkati wkoll 31 ċentru tas-saħħa kattoliċi, 141 skola mmexxija mill-Knisja filwaqt li 20 villaġġ u eluf ta’ djar sfaw imfarrka.
Il-Knisja Kattolika tirrappreżenta madwar nofs il-popolazzjoni ta’ 67.5 miljun persuna li jgħixu fil-pajjiż li għandu depożiti kbar ta’ minerali.
L-Isqfijiet qalu li l-kundizzjonijiet li fihom qed jgħix il-poplu huma aktar minn prekarji. Il-Gvern ma rnexxielux iwaqqaf il-vjolenza li swiet il-ħajja ta’ aktar minn 3,500 persuna u aktar minn miljun persuna kellhom jaħarbu minn djarhom.