L-isqfijiet fil-Kenya mħassba għax l-Oppożizzjoni mhux se tikkontesta l-elezzjoni

L-Isqfijiet Kattoliċi fil-Kenya qed ikomplu juru t-tħassib tagħhom dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiż li jinsab fi kriżi politika kbira li qed tkompli tikkarga minħabba kwestjonijiet marbuta ma’ elezzjonijiet presidenzjali ripetuti.
Il-kriżi politika issa daħlet fit-tieni xahar tagħha u bdiet tħalli effetti negattivi kemm fuq l-ekonomija kif ukoll fuq il-poplu. L-Isqfijiet issa ilhom għal xi żmien jippruvaw jimmedjaw f’din il-kriżi politika kumplessa.
“Aħna avviċinajna lilll-partiti politiċi u tlabnihom jindew djalogu fl-interess tal-pajjiż.  Hawn qasma kbira fil-pajjiż u ma rridux li din tkompli tikber”, qal l-Isqof Alfred Rotich, li kien kappillan tal-Armata.
Din il-ġimgħa, il-kontroversja ħadet bixra ġdida wara li l-mexxej ewlieni tal-Oppożizzjoni, Raila Odinga tal-Alleanza Nazzjonali, ħabbar li se jibbojkottja l-elezzjonijiet ġenerali.  Odinga qal li l-Kummissjoni Elettorali ma tatx każ l-appelli li sarulha qabel issir elezzjoni oħra. “Jidher li l-Kummissjoni ma għandha ebda intenzjoni li taġixxi fuq it-talbiet biex tassigura elezzjonijiet ħielsa u ġusti”, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni.
Għalkemm l-elezzjoni hu indikat li se ssir fis-26 ta’ dan ix-xahar, hemm dubju jekk din fil-fatt issirx dakinhar.  Il-Qorti Suprema tal-pajjiż annullat ir-riżultat tal-elezzjoni li saret fit-8 ta’ Awwissu li għadda, minħabba diversi irregolaritajiet. F’dik l-elezzjoni l-President attwali Uhuru Kenyatta kien dikjarat rebbieħ.  Il-Qorti ordnat li jsiru elezzjonijiet ġodda fi żmien xahrejn.
Sadattant l-Oppożizzjoni qed torganizza żewġ dimostrazzjonijiet kull ġimgħa u minn din il-ġimgħa dawn il-protesti fit-toroq se jiżdiedu għal waħda kuljum.  Il-portesti għandhom l-iskop li l-Kummissjoni Elettorali tagħmel il-bidliet meħtieġa.
Fl-aħħar jiem dawn il-protesti bdew isiru vjolenti bi ġlied bejn protestanti u l-pulizija tal-irvellijiet.  Inħarqu ħafna tyres li mbullkaw it-toroq u kien rappurtat ukoll anke xi serq minn ħwienet.
Min-naħa tagħhom l-Isqfijiet Kattoliċi qed ikomplu jinsistu li hemm aktar x’jgħaqqad lill-poplu tal-Kenya milli hemm x’jifirdu.