L-Isqfijiet fil-Kenja nkwetati bil-qtil ta’ missjunarji u problemi oħra

Il-Kardinal John Njue ikellem lill-insara f’Nairobi

L-Isqfijiet Kattoliċi fil-Kenja qed jiffaċċjaw numru ta’ problemi fosthom il-qtil ta’ missjunarji, it-tqala fost it-tfal u l-ħafna każi ta’ abort li qed jitwettqu fil-pajjiż. Għalhekk qed jitolbu ‘l Alla biex jagħti lill-Knisja il-qawwa u l-kuraġġ biex tibqa’ soda fil-fidi quddiem il-ħafna tbatija, tentazzjoni u r-riskju għall-ħajja.

F’Ittra Pastorali li ħarġu l-ġimgħa li għaddiet, intitolata “Kulma tagħmlu mal-anqas minn ħuti tkunu qed tagħmluh Miegħi”, il-Konferenza Episkopali Kenjana qalet li “nixtiequ noffru t-talb u l-kondoljanzi tagħna lill-familji, il-ħbieb u l-kongregazzjonijiet taż-żewġ saċerdoti li nqatlu brutalment dan ix-xahar. Il-Ġiżwita Fr Victor Luke Odhiambo li nqatel fis-Sudan t’Isfel u s-saċerdot żagħżugħ Fr.Cosmos Omboto Ondari, li nqatel fil-Cameroon”.

L-Isqfijiet li kienu qed jiltaqgħu fl-Assemblea Plenarja tagħhom, iddiskutew ukoll id-diversi sfidi serji li qed jiffaċċja l-pajjiż fosthom l-integrità politika, l-etika u l-importanza li tkun miġġielda l-korruzzjoni.

L-Ittra Pastorali titkellem ukoll fuq id-determinazzjoni tal-Isqfijiet li jipproteġu lit-tfal, partikolarment dawk li huma fil-kura tal-Knisja.

“Għeżież, aħna nixtiequ nindirizzaw din ir-realtà.  Hemm tliet problemi marbuta flimkien: l-abbuż mit-tfal, bniet li joħorġu tqal u l-abort,” tgħid l-istqarrija.

L-Isqfijiet qalu li l-vjolenza u l-ħażin li jitwettaq fuq il-minuri u membri vulnerabbli tas-soċjetà hu sinjal ta’ soċjetà moralment marida. “Bħala rgħajja tagħkom aħna se nagħmlu dak kollu possibbli biex nimplimentaw politika ta’ protezzjoni għat-tfal biex nissalvagwardjaw lil dawn il-persuni vulnerabbli u rridu li dawk kollha li jaħdmu mat-tfal jimxi ma’ din il-politika”.

Fl-istqarrija jissemmew ukoll it-tqala fost it-tfal tal-iskola u n-numru jikber ta’ aborti.