L-Isqfijiet fil-Kongo jkomplu bil-pressjoni fuq il-President Kabila

Il-Konferenza Episkopali tal-Congo

Bl-elezzjonijiet fil-Kongo skedati għal Diċembru li ġej, il-Konferenza Episkopali tal-pajjiż qed tkompli tagħmel pressjoni fuq il-Gvern biex jirrispetta l-Kostituzzjoni u l-iskadenzi elettorali.

Il-ġimgħa li għaddiet l-Isqfijiet sostnew li l-elezzjoni għandha ssir fi żmienha, jiġifieri fit-23 ta’ Diċembru.

“Il-poplu tal-Kongo li ħallas b’demmu biex id-demokrazija fil-pajjiż taħdem sew, issa hu fuq ix-xwiek jistenna l-elezzjonijiet tat-23 ta’ Diċembru u mhux aktar tard”, sostnew l-Isqfijiet.

Din id-dikjarazzjoni għamluha wara li ftit jiem ilu, Jenniger Haskell, iċ-Charge d’Affaris Amerikana fil-Congo qalet li l-“President Joseph Kabila jista’ jsir eroj fl-istorja tal-pajjiż. Hu jista’ għall-ewwel darba jassisti t-trasferiment tal-poter fil-paċi u b’mod kredibbli u demokratiku”.

Għall-Isqfijiet tal-Kongo, l-idea li Kabila jerġa’ jikkontesta l-elezzjoni presidenzjali aktar tard din is-sena, hi inkonċepibbli. “Il-President tar-Repubblika hu elett b’suffraġju universali għal perjodu ta’ ħames snin u dan it-terminu jista’ jkun imġedded darba waħda biss”, insistew l-Isqfijiet. “Għalhekk, kull President li jtemm it-tieni mandat tiegħu ma jistax jerġa’ jikkontesta għal din il-kariga.