L-Isqfijiet fil-Colombia jappellaw biex jerġa’ jibda l-proċess tal-paċi

Tfajla minn komunità indiġena f’Cauca tibki waqt il-funeral ta’ membru tal-komunità li nqatel brualment. (ANSA)

 L-Isqfijiet Kattoliċi tar-reġjuni tal-Paċifiku u n-Nofsinhar tal-Colombia qed jappellaw biex jerġgħu jibdew it-taħditiet għall-paċi “fil-perspettiva tad-drittijiet umani, id-drittijiet tal-popli u l-liġi umanitarja internazzjonali”.

Huma appellaw biex tkun kunsidrata s-sitwazzjoni drammatika li fiha jinsabu diversi komunitajiet fil-pajjiż hekk kif it-tensjoni fil-pajjiż qed tkompli tiżdied.

“F’diversi okkażżjonijiet ġbidna l-attenzjoni għad-diffikultajiet li għandhom ħafna persuni li jgħixu f’din iż-żona tal-pajjiż u appellajna lill-Istat biex ifittex soluzzjoni globali għall-kawżi ta’ din il-kriżi umanitarja”, qalu l-Isqfijiet filwaqt li esprimew is-solidarjetà tagħhom mal-poplu u t-tħassib li qed jiżdied il-kunflitt fir-reġjun ta’ Choco u f’inħawi oħra.

“Bħala Ragħjja qed insemmgħu leħinna biex nitolbu li nerġgħu nibdew it-triq tal-paċi b’rispett għad-drittijiet umani u l-liġi internazzjonali”, qalu l-Isqfijiet Kattoliċi.

Komunitajiet vulnerabbli

Iż-żoni tal-Paċifiku u n-Nofsinhar tal-pajjiż fihom territorji fejn il-maġġoranza tan-nies li jgħixu fihom huma indiġeni.

L-akbar tħassib tal-Isqfijiet hu proprju għal dawn il-komunitajiet. Fl-istqarrija tagħhom intitolata “Insaħħu l-paċi quddiem it-tkabbir tal-kunflitt” huma appellaw lill-Gvern Nazzjonali u lil awtoritajiet oħra fil-pajjiż biex “joħolqu kundizzjonijiet għal ħajja dinjituża u mekkaniżmi ta’ protezzjoni għall-komunitajiet u l-mexxejja soċjali”.

L-Isqfijiet għamlu pass ieħor u talbu biex tingħata attenzjoni għall-allegata “kollużjoni bejn membri tal-forzi tas-sigurtà u gruppi illegali” li dwaru tkellmu id-djoċesi ta’ Quibdo kif ukoll organiżazzjonijiet li jaħdmu favur id-drittijiet tal-bniedem.

Huma nnutaw li “gruppi armati huma aggressuri tal-popolazzjoni ċivili u għalhekk għandhom ikunu rifjutati għax l-azzjoni tagħhom hi waħda kriminali”.

Soluzzjoni politika u djalogu

Fil-bidu ta’ din is-sena ġdida, l-Isqfijiet Colombiani enfasizzaw il-ħtieġa li jinstabu soluzzjonijiet politiċi biex jieqaf il-ġlied mar-ribelli u biex jintlaħaq ftehim ma dawk li qed isejjħu lilhom infushom militant Paramilitari u gruppi oħra.

L-Isqfijiet temmew l-istqarrija tagħhom billi qalu li jistennew “risposta sinċiera mid-diversi protagonist, permezz ta’ ġesti konkreti ta’ paċi awtentika” u appellaw lill-poplu tal-Colombia biex “jitlob u jimpenja ruħu biex tinbena soċjetà ġusta, fraternal u ħielsa mill-vjolenza.

Vojt ta’ poter

In-numru ta’ persuni indiġeni li nqatlu fiż-żona tal-Paċifiku u n-Nofsinhar tal-Colombia żdied sostanzjalment hekk kif gruppi armati qed jippruvaw jieħdu l-kontroll billi hemm vojt ta’ poter li tħalla mill-Armata Rivoluzjonarja tal-Colombia wara li dawn sfaxxaw bħala parti mill-ftehim ta’ paċi milħuq fl-2016.

Il-ġlieda għall-poter wara li sfaxxa dak il-ftehim, ħalliet lill-movimenti indiġeni jiddefendu s-sovranità tal-art tagħhom fost sforzi kbar u vjolenti minn gruppi armati biex jieħdu kontroll tat-territorju.  Din il-ġlieda kompliet tiqliel minħabba n-negozju tad-droga li hu attiv ħafna fir-reġjun.